Friday, December 27, 2024

AĠĠORNAT: It-tliet koppji Maltin mistennija jinġiebu lura bejn illejla u għada

... stennija għal xi dokumenti ta' wħud mill-pazjenti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tliet koppji li sofrew ġrieħi fi Sqallija se jkunu qegħdin jaslu lura fis-sigħat li ġejjin. Skont informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li l-ewwel koppja se tkun qiegħda tasal lura Malta bil-Catamaran illejla stess.

It-tieni koppja li tinkludi r-raġel li nħareġ mill-isptar ta’ Modica aktar qabel qegħdin jistennew id-dokumenti neċessarji (discharge letter) biex il-mara tħalli l-isptar ukoll u jkunu jistgħu jirritornaw aktar tard illejla jew għada.

It-tielet koppja wkoll mistennija tirritorna llejla iżda jidher li għad iridu jinħarġu d-dokumenti tar-raġel.

12:00 p.m: Diskussjoni dwar kif il-Maltin midrubin fi Sqallija jinġiebu lura minħabba possibbiltà ta’ kumplikazzjonijiet

Grupp ta’ Maltin li kienu qiegħdin jivjaġġaw fi Sqallija spiċċaw ħażin wara li lbieraħ kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi triq bejn Pozzallo u Modica.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3:00 p.m bejn vann tal-passiġġieri u karozza tal-għamla Volkswagen T-Roc. B’kollox f’dan l-inċident kienu involuti 10 persuni, fosthom sitt persuni Maltin li kienu fil-vann.

Ir-rapporti fil-ġurnali Taljani rrappurtaw l-inċident bħala wieħed vjolenti u li fih weġġgħu seba’ persuni mill-vann, inkluż ix-xufier li huwa Taljan u tliet persuni oħra li kienu fit-tieni vettura.

Dan is-sit jinsab informat li tliet Maltin jinsabu fi sptar f’Ragusa u t-tlieta l-oħra fl-isptar ta’ Modica.  Fl-isptar ta’ Ragusa hemm mara u żewgt irgiel. Il-mara ġarrbet ksur fil-minkeb, u tista’ tinġieb Malta biss b’ambulanza. Wieħed mill-irġiel sofra ksur fi spalltu u l-ieħor jinsab f’qagħda stabbli. 

Fl-isptar ta’ Modica hemm żewġ nisa u raġel. Mara ġarrbet ksur fix-xedaq u nefħa f’sieqha, oħra għandha bżonn intervent f’ġenbha u qiegħda titlob li dan isir fi sptar f’Malta u raġel l-ieħor inħareġ mill-isptar. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet Taljani biex isiru l-arranġamenti meħtieġa biex il-pazjenti Maltin jinġiebu f’Malta għall-kura li għandhom bżonn. Fost dawn id-diskussjonijiet għad irid jintlaħaq ftehim dwar l-aħjar interess tal-pazjenti minħabba li l-esperti mediċi qed jissuġġerixxu li l-pazjenti jitħallew jivjaġġaw biss jekk mimdudin u f’ambulanzi u għalhekk it-traġitt se jkun jirrikjedi kordinazzjoni delikata biex dan isir b’mod sigur fl-aħjar interess tal-Maltin.

Kemm l-ambaxxata Maltija f’Ruma u anki l-Konsulat Onorarju f’Sirakuża jinsabu f’kuntatt kontinwu mal-persuni midrubin u mal-qraba tagħhom. 

Għalkemm s’issa għad mhemm l-ebda konferma, xi rapporti qegħdin jindikaw li l-kawża tal-inċident kienet li xi ħadd miż-żewġ xufiera qaleb fuq il-karreġġjata opposta.

Ekonomija

Sport