Raġel kellu jiddaħħal l-Isptar wara li lbieraħ, għall-ħabta tal-11:15 a.m., kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq it-Torri, f’Tas-Sliema.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura Citroen Berlingo misjuqa minn Sirjan ta’ 31 sena residenti Birżebbuġa u mutur Keeway misjuq minn Eġizzjan ta’ 35 sena li jgħix Tas-Sliema stess.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti lis-sewwieq tal-mutur sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa permezz ta’ ambulanza li ssejħet fil-post. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.