Raġel ta’ 43 sena residenti San Ġiljan weġġa’ serjament wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.
Dan seħħ għall-ħabta tal-11.15a.m., fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li r-raġel tilef il-kontroll tal-vettura li kien qiegħed isuq, tat-tip Mitsubishi, u b’konsegwenza t’hekk seħħ impatt ma’ siġra u l-karozza nqasmet fi tnejn.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lix-xufier l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. Il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
