Saturday, November 23, 2024

AĠĠORNAT: Jingħata l-ħelsien mill-arrest il-Franċiż mixli li għamel il-marki f’żoni protetti

Aqra wkoll

Għada jerġa’ jsiefer lura Franza jekk iħallas id-depożitu

Aktar kmieni llum il-Pulizija ressqet taħt arrest lil Serge Ernest Raymond Morel-Jean, Franċiż ta’ 73 sena resdienti Franza, b’rabta mal-każ tal-marki b’żebgħa li saru f’żoni protetti f’Malta. Il-marki kellhom jindikaw direzzjoni għal tiġrijiet li kienu qed isiru.

Morel-Jean, irtirat li madankollu għadu jokkupa l-kariga ta’ direttur ġenerali aġenzija tal-ivvjaġġar, ġie mixli li għamel ħsara fi proprjetà tal-Gvern, li organizza attività mingħajr il-permessi meħtieġa, u li għamel ħsara lill-Park tal-Majjistral u l-bijodiversità tiegħu.

L-anzjan wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li kemm il-Pulizija u kif ukoll l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) kienu ilhom jirċievu rapporti dwar vleġeġ miżbugħin. Kompliet tgħid li din il-ġimgħa l-Pulizija saret taf li kienu ġew grupp ta’ atleti, bl-akkużat imur jara t-trails li kellhom isegwu u jimmarka d-direzzjoni bi vleġeġ.

L-akkużat li qed jinżamm taħt arrest fil-lukanda Paradise Bay, instabulu bottijiet tal-ispray fil-karozza tiegħu, u huwa kien ammetta li kien hu li għamel is-sinjali.

Il-Pulizija qalet li minn spezzjonijiet li għamlu tul it-trails fejn żvolġiet it-tiġrija, irriżultalhom li kien naddaf uħud mill-marki hekk kif maqbul, madankollu oħrajn kienu qegħdin jitneħħew billi jingirfu jew inkella kienu qed jitgħattew bil-ħamrija. Huwa kien se jitlaq minn Malta għada.

Il-Prosekuzzjoni ddeskriviet il-ħsara li saret bħala “diżastru sħiħ” li jirrikjedu “spejjeż kbar” biex titranġa, bis-somma indikata tammonta għal madwar €200,000.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża għal bail bil-kundizzjoni li l-anzjan ikun disponibbli 24 siegħa kuljum fuq il-mowbajl. Huwa kien ordnat jagħmel ukoll depożitu ta’ €10,000, u jħallas garanzija personali ta’ €10,000 oħra.

Id-Difiża lmentat dwar diffikultajiet biex isir il-ħlas tad-depożitu minħabba li l-uffiċċju fil-Qorti fejn isir il-ħlas jagħlaq f’nofsinhar. Madankollu d-Difiża qalet li l-akkużat se jkun qed jipprova jmur il-bank biex ikun jagħmel il-pagament.

L-akkużat kien assistit mill-Avukat Joe Brincat, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon.

Sport