Saturday, November 23, 2024

AĠĠORNAT: Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie arrestat għax saq perikoluż, u rreżista lill-Pulizija

Aqra wkoll

Raġel ta’ 30 sena residenti ż-Żejtun kien arrestat matul il-lejl li għadda wara li allegatament saq b’manjiera perikoluża bil-vettura tiegħu f’Marsalforn u anke rreżista bil-forza li jiġi arrestat mill-Pulizija. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum wara nofsinhar. 

Kienu għall-ħabta ta’ nofsillejl, xħin il-Pulizija fl-Għassa r-Rabat, Għawdex, ġew infurmati li kien hemm raġel li kien qiegħed ikisser xi umbrellel fil-bajja u anke saq bil-vettura tiegħu fuq is-siġġijiet li hemm max-xatt. 

Waqt li l-Pulizija tad-Distrett kienu sejrin fuq il-post, mat-triq lemħu l-karozza li ġiet irrapportata lilhom li kienet qed tinstaq b’veloċità qawwija fil-karreġġjata l-ħażina u li kienet ġejja dritt fid-direzzjoni tal-Pulizija. L-Uffiċjali li kienu fil-vettura tas-servizz irnexxielhom jevitaw l-karozza tar-raġel filwaqt li baqgħu jsegwuha, iżda s-sewwieq injora s-sirena u żied fil-veloċità.   

Il-Pulizija tad-Distrett, assistiti mill-Pulizija tar-RIU, irnexxielhom jiċċirkondaw u jwaqqfu l-karozza fir-Rabat. Ix-xufier ġie ordnat biex joħroġ immedjatament mill-karozza iżda ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u anke beda jhedded lill-istess Pulizija u fl-istess waqt irreżista l-arrest. Wara xi ħin, il-Pulizija rnexxielha tikkontrollah u tarrestah fejn ittieħed lejn il-lock-up tal-Pulizija, fir-Rabat, Għawdex, fejn baqa’ jkun aggressiv.

Minħabba li kien hemm suspett li huwa kien taħt l-effett tal-alkoħol, intalab jipprovdi kampjun tan-nifs, iżda wara li ġie mwissi diversi drabi, ir-raġel irrifjuta u kontinwament baqa’ jhedded lill-Pulizija.  

Intant ir-raġel ta’ 30 sena tressaq b’arrest il-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat Simone Grech, u ġie akkużat li attakka jew għamel reżistenza u li nġurja u hedded numru ta’ Uffiċjali tal-Korp, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi li ngħataw lilu u li fixkel xogħol l-Uffiċjali. Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-buon ordni, li nstab fi stat ta’ sakra u li saq b’mod traskurat, perikoluż jew bla kont meta ma’ kienx f’kundizzjoni li jsuq u li rrifjuta li jagħti kampjun tan-nifs.

Huwa wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.

Sport