Saturday, November 23, 2024

AĠĠORNAT: Jingħataw il-ħelsien mill-arrest… akkużati b’serq u frodi minn Casino Malta

Aqra wkoll

AĠĠORNAT: Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Xerri ressqet lil Miroslav Nikolaev Minchev ta’ 36 sena li jgħix San Ġwann, lil Viktor Iliev Loendiev ta’ 32 sena li jgħix Birkirkara u lil Dobri Enev ta’ 27 sena li jgħid Tas-Sliema akkużati li bejn Ottubru tas-sena 2017 u Jannar tas-sena 2020 hu wettqu diversi atti b’dannu għal Casino Malta.

Fil-fatt, huma ġew akkużati li użaw identità falza għad-dannu ta’ dan il-Casino, li pprovaw jiffrodawh u anke li serqu flus minnu. 

Fir-rigward ta’ Miroslav Nikolaev Minchev, dan hu akkużat ukoll li ħoloq dokumenti foloz. 

Intant, fl-awla huma ġew rappreżentati mill-avukati Roberta Bonello, Joseph Giglio u Noel Bianco. Min-naħa l-oħra, Stephen Tonna Lowell kien qed jirrappreżenta lill-Casino. 

L-akkużati wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi u talbu l-ħelsien mill-arrest. Għal din it-talba ma kienx hemm oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni u għalhekk ingħatatilhom il-kundizzjoni li jiffirmaw l-għassa ta’ San Ġiljan nhar ta’ Tnejn u Ħamis. Barra hekk, intalbu wkoll jagħmlu garanzija personali ta’ €8,000. 

AKTAR KMIENI: Fis-sigħat li għaddew, tlett irġiel ta’ nazzjonalità Bulgara kienu arrestati b’rabta ma’ investigazzjoni mmexxija mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan dwar allegat serq ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro minn stabbiliment tal-logħob f’San Ġiljan. 

L-allegat reat seħħ fuq perjodu ta’ madwar tliet snin. Il-każ kellu l-bidu tiegħu f’Jannar li għadda meta uffiċjali tal-istabbiliment għamlu rapport lill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, li ħaddiem u żewġ persuni oħra, allegatament kienu qegħdin jaġixxu b’mod suspettuż fejn allegatament kienu qegħdin jirbħu ammont konsiderevoli ta’ flus. 

Minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija biex ikun stabbilit il-movimenti ta’ dawn it-tliet persuni – ħaddiem Bulgaru ta’ 36 sena u żewġ persuni oħra, ukoll Bulgari, ta’ 32 sena u 27 sena, kollha residenti Malta. 

Irriżulta minn sigħat twal ta’ investigazzjonijiet, li l-allegat serq seħħ bejn Ottubru 2017 u Jannar 2020. 

Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija kkonkludiet l-investigazzjonijiet tagħha u t-tlett irġiel mistennija jitressqu l-Qorti illum, għall-ħabta tan-1230 p.m., quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli. 

Sport