Sunday, November 24, 2024

AĠĠORNAT: Jitnaddaf l-vandaliżmu li sar mal-istatwa ta’ San Nikola

Aqra wkoll

Il-ħaddiema tal-Indafa Pubblika fl-aħħar sigħat kienu mpenjati biex inaddfu l-vandaliżmu li sar matul il-lejl li għadda mal-istatwa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi.

Is-Sindku tas-Siġġiewi rringrazzja lill-ħaddiema kif ukoll lid-Direttur Ramon Deguara għat-tindif li wettqu wara l-att vandalu li seħħ dalgħodu quddiem l-Istatwa ta’ San Nikola, fi Pjazza San Nikola

Intant fi żviluppi oħrajn, is-Sindku qal li aktar kmieni llum għamel rapport lill-Pulizija u l-istess pulizija qegħdin jinvestigaw dan l-att vandalu.

Is-Sindku sostna li dawk li wettqu dan l-att iridu jitressqu quddiem il-ġustizzja.

10.38am – Jitfgħu l-bajd lejn l-istatwa ta’ San Nikola fil-pjazza tas-Siġġiewi

Dalgħodu kull min kien għaddej mill-Pjazza tas-Siġġiewi seta’ jinnota ammont ta’ bajd li matul il-lejl intefgħu lejn l-istatwa ta’ San Nikola.

Kien is-Sindku Dominic Grech li fuq il-profil tiegħu tal-midja soċjali kiteb li “xeni bħal dawn mhux biss jiddiżappuntawni u jsewduli qalbi, imma jixhdu kemm għadna lura bħala soċjeta.”

Hu kompla jikteb li bħala Kunsill Lokali dejjem raw kif iżommu kullimkien nadif u jsebħu l-lokali.

Temm jgħid li dawk li wettqu dan l-att se jkollhom jaffaċjaw il-ġustizzja.

Ta’ min semmi li din l-istatwa kienet ġiet irrestawrata f’Diċembru tal-2021.

Din l-istatwa, li twaqqfet fis-sena 1732, kienet skolpita fuq żewġ ġebliet kbar minn Pietru Felici. Jingħad li dawn il-ġebliet inqatgħu minn għalqa li għadha sal-lum magħrufa bħala l-għalqa ta’ San Nikola.

Dak iż-żmien Felici kien tħallas is-somma ta’ 70 skud filwaqt l-pedestall tal-istatwa ħadmu Ġużeppi Fabri li kien tħallas is-somma ta’ 15-il skud.

Sport