Sunday, November 24, 2024

AĠĠORNAT: Jitressaq il-Qorti t-tielet Rumen mixli bil-qtil f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Tressaq il-Qorti t-tielet raġel mixli bil-qtil f’San Ġiljan. Id-delitt seħħ nhar il-5 ta’ Diċembru li għadda wara li Joseff Rivas, li għandu ċittadinanza doppja – dik Ingliża u Rumena – qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina fi Triq Ross. 

Ilie Constantin ta’ 31 sena mir-Rumanija tressaq ftit tal-ħin ilu quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu li jinkludu l-qtil u li kellu sikkina mingħajr permess fost oħrajn. 

Id-Difiża f’dan l-istadju ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

B’rabta ma’ dan il-każ, l-Erbgħa li għadda tressqu l-Qorti żewġt aħwa Rumeni oħra – Ionut-Iulian Tanase ta’ 35 sena u Dan-Andrei Tanase ta’ 32 sena li wkoll qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi u bħalissa qed jinżammu arrestati.

Dakinhar, l-Uffiċjali Prosekuturi qalu li l-ġlieda li seħħet fit-5 ta’ Diċembru f’San Ġiljan, kienet riżultat ta’ diżgwid li kien inqala’ minħabba attività kriminali organizzata li kienet għaddejja. Intqal ukoll li din l-attività tirrigwardja prostituzzjoni.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra u Brian Xuereb megħjuna mill-Avukati Darlene Grima u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Marion Camilleri, Charmaine Cherret u Jacob Magri dehru għal Constantin.

Sport