Il-Kunsill ta’ l-MUMN ħabbar li se jsejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja għall-infermiera u l-qwiebel biex jiġi ppreżentat lilhom il-Ftehim Settorali mressaq mill-Gvern biex ikunu huma stess li jiddeċiedu jekk dan hux aċċettabbli jew le.
Filwaqt li kkonfermat dan, l-MUMN qalet li hi se tibqa’ konsistenti ma’ dak li staqarret u ser tissospendi id-Direttivi Industrijali kollha marbuta ma’ dan il-proċess mis-7:00 a.m t’għada.
L-MUMN qed tibqa’ ssostni li l-gvern ma jridx isib soluzzjonijiet u li dan saħansitra qed jiddiskrivi dan il-pakkett bħala “proposti b’saħħithom” u li “se jagħti lill-infermiera l-aħjar kundizzjonijiet li qatt kellhom”.
L-MUMN temmet tgħid li l-gvern għalaq il-bieb f’wiċċ dawn il-ħaddiema u li issa jkunu huma stess li jiddeċiedu dwar dan.
Aktar kmieni: L-MUMN tgħid li l-laqgħa ta’ konċiljazzjoni hija “redikola”
L-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qiegħda ssostni li tinsab imfixkla minħabba li skontha, il-gvern qiegħed iwaqqa’ l-proċess tat-triq ’il quddiem għar-redikolu meta qed jgħid li sejjaħ għal laqgħa ta’ konċiljazzjoni.
L-MUMN żiedet tgħid li min-naħa tagħha, hija kienet dejjem preżenti għal kull laqgħa li ssejħet min-naħa tal-gvern. Hija saħansitra qalet li l-aħħar laqgħa saret fil-Ministeru tas-Saħħa l-Ħamis li għadda meta l-gvern ippropona l-aħħar proposti tiegħu.
Filwaqt elenkat numru ta’ nuqqasijiet fosthom billi sostniet li dawn il-proposti xorta kienu se jibqgħu jiddiskriminaw lill-infermiera u l-qwiebel fejn tidħol skala ta’ xogħol u anke salarju, l-union qalet li fl-aħħar laqgħa kienet maħsuda bis-sejħa tal-gvern biex dawn il-ħaddiema jaħdmu 16-il siegħa addizzjonali biex igawdu minn ċertu benefiċċju. Qalet ukoll li din il-proposta hija intiża biex tissostitwixxi dak li talbet l-istess union rigward it-taxxa fuq s-sahra, liema benefiċċju diġà jitgawda minn ħaddiema oħra fil-pajjiż.
Skont l-MUMN, l-union kienet ukoll lesta li tissospendi d-direttivi li kieku l-gvern kien lest iressaq il-proposti tagħha quddiem il-Kabinet, iżda żiedet tgħid li wara l-laqgħa tal-Ħamis, l-gvern għażel li jdawwar l-ħsieb u jsejjaħ din il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni.