Saturday, November 23, 2024

AĠĠORNAT: Malta bi €2.25 biljun f’fondi Ewropej għas-seba’ snin li ġejjin

Aqra wkoll

Malta se tkun qed tirċievi €2.25 biljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin. Dan kien ikkonfermat mill-Prim Ministru Robert Abela.

Iż-€2.25 biljun jinkludu €1.92 biljun allokati lil Malta mill-baġit Ewropew u €327 miljun fi grants parti mill-pakkett ta’ għajnuna mogħtija biex l-ekonomiji Ewropej jirkupraw mir-riperkussjonijiet ekonomiċi li ħalliet il-pandemija tal-Covid-19.

Dan wara li mexxejja tal-Unjoni Ewropea fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu approvaw pakkett ta’ għajnuna bil-għan li jkunu missielta r-riperkussjonijiet li l-pandemija tal-Covid-19 ħalliet fuq l-ekonomija tal-Ewropa, f’dak li l-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva bħala “riżultat mill-aktar pożittiv għal Malta”.

Il-ftehim ta’ €750 biljun ġie fis-seħħ wara erbat ijiem u erbat iljieli ta’ negozjati intensivi kkaratterizzati minn twissijiet minn stati membri li l-ftehim kien se jaqa’.

Il-pakkett ta’ għajnuna seta’ jiġi fis-seħħ grazzi għall-appoġġ tal-Ġermanja u Franza u tinkludi l-akbar self konġunt mis-27 membru tal-blokk Ewropew.

L-ebda dettalji ma kienu disponibbli b’mod immedjat dwar kif Malta se tkun qed tibbenefika mill-pakkett ta’ għajnuna, madankollu l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-ftehim jinkludi l-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej li Malta qatt ħadet tul seba’ snin.

F’Mejju li għadda, meta l-pakket ta’ għajnuna ekonomija kienu qed jiġi formulat, il-Kummissjoni Ewroepa kienet offriet lil Malta pakkett ta’ self u grants li kienu jlaħħqu kważi l-€1 biljun. Il-pakkett, li kumplessivament kien ilaħħaq id-€992 miljun kien jikkonsisti minn €350 miljun fi grants u €642 miljun f’self pagabbli sal-2058.

Bejn l-2013 u l-2020 Malta kienet assigurat €1.1 biljun f’fondi Ewropej li kienu negozjati fl-2012 mill-Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi.

Il-Ħadd li għadda Abela qal li Malta kienet qed toġġezzjona għall-mod kif l-Unjoni Ewropea kienet qed tipproponi li talloka l-pakkett ta’ għajnuna, u argumenta li dan kien qed jippenalizza lil dawk il-pajjiżi li kellhom ekonomiji b’saħħithom.

Sport