Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu laqa’ uffiċjalment lill-Prim Ministru Libjan Abdulhamid Dbeibah għal taħditiet fil-Berġa ta’ Kastilja. Il-Prim Ministru Dbeibah wasal f’pajjiżna ilbieraħ fejn qed imexxi delegazzjoni għolja għal taħdidiet mal-gvern Malti.
Tul iż-żjara tagħhom f’Malta d-delegazzjoni Libjana se jkollha wkoll taħdidiet ma’ diversi Ministri tal-gvern.
Flimkien mal-Prim Ministru Abela dalgħodu kien hemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru Evarist Bartolo, il-Ministru Byron Camilleri u l-Ministru Silvio Schembri.

Ir-relazzjonijiet bilaterali, il-migrazzjoni, is-saħħa u l-kwistjonijiet ekonomiċi kienu fuq nett tal-aġenda waqt it-taħditiet li saru bejn Malta u l-Libja.
Il-Prim Ministru Malti Robert Abela u l-Prim Ministru Libjan Abdulhamid Dbeibah mexxew id-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom. Din hija t-tieni darba din is-sena li ż-żewġ pajjiżi qed ikollhom laqgħat ta’ livell għoli.
Fiż-żjara li kien għamel fil-Libja, il-Prim Ministru Abela kien iltaqa’ mal-Prim Ministru Dbeibah. Dakinhar fuq nett tal-aġenda kien hemm l-immigrazzjoni irregolari u l-problemi li kienet qed toħloq fiċ-ċentru tal-Mediterran l-iktar bit-tluq ta’ mijiet ta’ immigranti mix-xtut Libjani.
