Sunday, November 24, 2024

AĠĠORNAT: Mijiet ta’ persuni għadhom neqsin fil-Brażil kawża tal-maltemp

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Brażiljani qalu li s-sitwazzjoni fl-istat ta’ São Paulo għada waħda allarmaneti ħafna minkejja li xi ħaddiema tal-protezzjoni ċivili qed jirnexxilhom jaslu fiż-żoni milquta.

Jidher li hemm mijiet ta’ persuni li għadhom neqsin u dan minħabba li hemm biża’ li dawn inġarru mal-ilmijiet. Toroq ewlenin spiċċaw xmara, djar inġarru mal-ilmijiet u mijiet ta’ persuni tilfu kulma kellhom.

Il-Gvern Brażiljan qal li se jkun qiegħda jagħti l-għajnuna tiegħu biex il-villaġġi meqrudin jinbnew mill-ġdid.

09.53am – 36 persuna jmutu kawża ta’ għargħar f’São Paulo fil-Brażil

L-Awtoritajiet Brażiljani fl-Istat ta’ São Paulo qalu li mill-inqas s’issa mietu 36 persuna kawża tal-għargħar u valangi tat-tajn.

Kawża ta’ dan il-maltemp f’ħafna bliet kellu jitħassar il-karnival li hu tant popolari f’dan il-pajjiż.

Filmati li qed iduru fuq il-midja soċjali juru diżastru kbir kawża tal-għargħar fosthom djar meqrudin għal kollox. Fost l-oħrajn persuni ċivili kienu qegħdin jipprovaw isalvaw tfal li spiċċaw maqbudin fi djarhom kawża tal-maltemp.

Ċittadini kellhom jieħdu fil-kontroll tagħhom il-ħidma tas-salvataġġ minħabba li l-membri tal-protezzjoni ċivili tal-pajjiż ma setgħux jaslu fiż-żoni l-aktar milquta minħabba li t-toroq saru baħar u oħrajn kienu mblukkati għal kollox.

Matul il-ġurnata tal-bieraħ niżla aktar minn 600 mm ta’ xita f’ċertu żoni u dan ifisser li f’24 siegħa niżlet xita daqs kemm tagħmel f’aktar minn xahar.

Felipe Augusto, is-Sindku tal-belt ta’ São Sebastião liema belt hija l-aktar milquta qal li l-ħaddiema tas-salvataġġ mhux qed jirnexxilhom jaslu fil-postijiet milqutin mill-għargħar. “In-nies tal-belt qegħdin huma stess isalvaw lin-nies għax kieku ma sarx hekk kieku l-għadd tal-vittmi kien jitla’ ferm aktar,” qal Augusto.

Minkejja li s’issa 36 persuna ġew iddikjarati mejtin hemm ħafna u ħafna oħrajn li għadhom neqsin u jista’ jkun li dawn inġarru mal-ilmijiet.

Sport