Saturday, November 23, 2024

AĠĠORNAT: Nies vulnerabbli jistgħu joħorġu; Sa massimu ta’ 75 persuna f’postijiet pubbliċi

Aqra wkoll

Mill-1,030 swab test li saru lbieraħ irriżultaw żewġ persuni pożittivi għall-Covid-19. Fl-istess waqt tmien persuni oħrajn irkupraw mill-virus.

Dan wassal biex in-numru ta’ każi attivi issa niżel għal 51, bin-numru kumplessiv ta’ persuni li rkupraw mill-virus jammontaw għal 562.

Intant fl-aġġornament tal-lum is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li avviż legali li kien jordna lil persuni vulnerabbli biex jibqgħu d-dar se jkun qed jitneħħa biex b’hekk dawn ikunu jistgħu jirritornaw għall-ħajja normali.

Il-każi mill-aħħar aġġornament ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda:

Raġel li rritorna mill-Pakistan abbord ta’ titjira ta’ ripatrijazzjoni fis-27 ta’ Mejju li għadda u esperjenza sintomi dakinhar stess.

Raġel Brittaniku ta’ 77 sena li kien pazjent fl-Isptar Karin Grech u li żviluppa sintomi fid-29 ta’ Mejju. L-awtoritajiet qed jagħmlu proċess ta’ contact tracing.

Mara Maltija ta’ 23 sena li ma kellhiex sintomi. Hija kienet ġiet f’kuntatt ma’ carer oħrajn fl-Isptar Karin Grech diġà pożittivi għall-Covid-19.

Omm u bintha li vjaġġaw lejn Malta minn Frankfurt. L-omm ta’ 32 sena żviluppat sintomi fil-31 ta’ Mejju, b’bintha ta’ sena tiżviluppa sintomi l-għada l-1 ta’ Ġunju.

Nies vulnerabbli jistgħu joħorġu

Intant il-Professur Gauci emfasizzat li s-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna baqgħet waħda stabbli wara żewġ fażi li fihom ġew rilassati miżuri. Fl-istess waqt hija tenniet li filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-miżuri se jkunu qed jitneħħew nhar il-Ġimgħa li ġej, in-nies jeħtieġ li tibqa’ tosserva l-prinċipji bażiċi ta’ social distancing, tal-iġjene, u l-ilbies ta’ maskri jew visors.

hija żiedet tgħid li child care centres se jkunu qed jilqgħu inqas tfal biex jiżguraw l-aspett ta’ social distancing, madankollu se jkunu qed iżommuhom fi gruppi.

Żiedet tgħid li nies vulnerabbli – li jinkludu anzjani, nisa tqal, u dawk li jbati minn kundizzjonijiet speċifiċi ta’ saħħa – issa jistgħu joħorġu minn djarhom.

Avvenimenti sa massimu ta’ 75 persuna

Filwaqt li avvenimenti tal-massa se jibqgħu pprojbiti, sa massimu ta’ 75 persuna se jitħallew jinġabru f’postijiet pubbliċi. Il-Professur Gauci qalet li l-AvviżLegali li jillimita gruppi ta’ sitt persuni f’postijiet pubbliċi se jkunu qed jitneħħa nhar il-Ġimgħa.

Madankollu qalet li avvenimenti jistgħu jsiru sakemm in-numru ta’ persuni ma jaqbiżx il-75 persuna.

Sport