“Bħala MED5 kontinwament nisħqu fuq dak li sħaqna fl-aħħar snin, li jinstab bilanċ ġust bejn il-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ta’ responsabiltà bejn l-Istati Membri.
Filwaqt li bħala pajjiżi tal-MED5 se nkomplu nagħtu l-appoġġ politiku tagħna għall-proċeduri effiċjenti li jiżguraw riżultat aħħari tan-negozjati tal-patt dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, però nisħqu li tkun sistema li tkun mibnija fuq soluzzjonijiet dejjiema u realistiċi li però ma jpoġġux aktar responsabilitajiet milli għandna jew milli nifilħu fuqna l-pajjiżi li ninsabu fl-ewwel art.
Għaldaqstant, qed inkomplu nsostnu l-bżonn li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti u mandatorju li fih ikun hemm element ta’ rilokazzjoni li permezz tiegħu l-Istati Membri jkunu identifikati u anke indirizzati b’mod effettiv.”
Stqarr dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Byron Camilleri waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa fi tmiem il-laqgħa tal-MED5 li saret ilbieraħ fil-Belt Valletta. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministri tal-Intern u l-Immigrazzjoni tal-Greċja, l-Italja u Spanja flimkien mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Intern ta’ Ċipru.
Il-Ministru tal-Intern tal-Iżvezja kien ukoll mistieden hekk kif għandhom il-Presidenza attwali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea filwaqt li saret diskussjoni wkoll mad-direttur eżekuttiv il-ġdid tal-FRONTEX.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li bħala pajjiżi tal-MED5 ilhom is-snin jikkollaboraw flimkien fejn irnexxielhom jiksbu r-riżultati. Sostna li meta wieħed jieħu l-pajjiżi kollha tal-MED5 isib li kien hemm żieda fil-wasliet tal-immigrazzjoni irregolari.
Intqal li fid-dikjarazzjoni konġunta ppubblikata wara l-laqgħa tisħaq fuq il-prevenzjoni. “Qed nisħqu li FRONTEX tibqa’ toffri sostenn kontinwu lill-istati membri, tagħmel moniteraġġ estensiv u komprensiv tal-ibħra internazzjonali u jsir użu mill-informazzjoni miksuba sabiex ikunu miġġielda t-traffikanti tal-bnedmin.”
Il-Ministru Camilleri saħaq li bħala MED5 jemmnu f’politika ta’ immigrazzjoni ġusta, liema politika għanda tkun ġusta ma’ min verament għandu bżonn il-protezzjoni, imma wkoll tkun ġusta ma’ min m’għandux dritt għal dik il-protezzjoni, li jfisser li dawn ikunu ritornati lejn il-pajjiż oriġinu tagħhom.
Il-Ministru tal-Intern u Sigurta Nazzjonali sostna li l-appilkazzjonijiet pendenti għal ażil naqsu bin-nofs, minħabba sistema li sar investiment fiha.
“Kellek numru rekord ta’ persuni li ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jekk ma kinux jikkwalifkaw għall-ażil. Dan kellu effett pożittiv fuq in-numru sussegwenti ta’ wasliet li naqsu ħafna lejn pajjiżna.”
Hu kompla jgħid li l-pajjiżi tal-MED5 jisħqu dwar il-ħtieġa li jkomplu jinbnew relazzjonijiet strateġiċi u komprensivi ma’ pajjiżi mhux biss ta’ oriġinu imma wkoll ta’ tranżitu, li nipprovdulhom investiment neċessarju anke sabiex niżguraw li żgħażagħ f’dawn il-pajjiżi jarraw futur fil-pajjiż tagħhom stess u ma jkollhomx bżonn li jirriskjaw ħajjithom biex jagħmlu vjaġġ lejn l-Ewropa.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li sar ħafna fl-aħħar snin inkluż f’din il-leġiżlatura ta’ din il-Kummissjoni però żgur li fadal ħafna xi jsir kemm fuq livell nazzjonali u anke fuq livell Ewropew. Ir-riżultati li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin huma turija ta’ kif li b’ħafna xogħol u b’ħafna rieda tajba jistgħu jnkisbu riżultati aħjar speċjalment f’settur diffiċli bħalma huwa l-immigrazzjoni irregolari.
“Bħala pajjiżi tal-MED5, anke fid-dawl tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri li se ssir fi Brussell il-ġimgħa d-dieħla qed insejħu lill-Istati Membri tatl-UE biex jaħdmu sabiex jinkisbu l-għanijiet li niżżilna fid-dikjarazzjoni konġunta tal-MED5.”
12.13pm – Ingħata bidu għal-laqgħa tal-MED5 fil-Belt Valletta
Matul din il-laqgħa, il-Ministri għall-Intern u l-Immigrazzjoni ta’ Malta, il-Greċja, l-Italja u Spanja kif ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Intern ta’ Ċipru, se jkunu qed jiddiskutu pożizzjoni komuni dwar l-ażil u l-immigrazzjoni.
Se jsiru diskussi ukoll mad-Direttur Eżekuttiv il-ġdid tal-Frontex il-prijoritajiet sabiex jipprevjenu waslet irregolari.
Il-Ministeru tal-Intern tal-Isvezja kien ukoll mistieden bħala l-Presidenza attwali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtá, Byron Camilleri fl-introduzzjoni ta’ din il-laqgħa stqarr li hu ta’ unur li f’dawn il-jumejn qed issir diskussjoni dwar l-immigrazzjoni speċjalment f’dan iż-żmien partikolari.
Hu tkellem dwar it-traġedja li seħħet f’Calabria aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn aktar minn sittin immigrant mietu wara li d-dgħajsa li kienu qegħdin fuqha nqasmet.
Il-Ministru Camilleri ddeskriva din il-laqgħa bħala opportunità biex il-pajjiżi li jinsab fil-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Ewropea jindirizzaw dawn ir-realtajiet u billi jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-Kunsill Ewropew.