Marcin Bieszczad, Pollakk ta’ 45 sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat li daħħal f’Malta 3.8 kilogrammi eroina.
Il-Pollakk ġie arrestat ilbieraħ hekk kif wasal Malta fuq titjira minn Frankfurt il-Ġermanja.
Kienet l-imġieba nervuża tiegħu li wasslet biex il-Pulizija u l-uffiċjali tad-Dwana bdew jissuspettaw fih. Kien ġie nnutat ukoll li r-raġel kien qed iġorr bagalja li ħafna drabi tintuża minn traffikanti tad-droga.
Il-klieb tad-Dwana wkoll kienu qed jindikaw li kien hemm xi ħaġa suspettiża fil-bagalja tar-raġel u fil-fatt x’ħin infetħet instab qiegħ falz li fih kien hemm id-droga.
Kien l-Ispettur Jonathan Pace li ressaq lil Pollakk il-Qorti u akkużah b’importazzjoni ta’ eroina, li forna d-droga u kien fil-pussess ta’ ammonti li kienu jindikaw illi ma kinux għall-użu personali.
Permezz tal-avukat tad-Difiża Sue Mercieca, ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi, iżda l-istess difiża lanqas talbet għall-ħelsien mill-arrest. Kien għalhekk li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ordnat li l-akkużat jibqa’ jinżamm taħt arresst kif ukoll ordnat li jkunu friżat l-assi kollha tiegħu.
10.32am (ilbieraħ) – Pollakk arrestat fl-Ajruport wara li allegatament fil-bagalja kellu d-droga eroina
Pollakk ta’ 45 sena ġie arrestat wara investigazzjoni mill-Pulizija b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni tad-droga. Huwa ġie arrestat ilbieraħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li fil-pussess tiegħu nstabu madwar erba’ kilos sustanza suspettata droga eroina.
Ir-raġel twaqqaf mill-Pulizija hekk kif wasal Malta b’titjira minn Frankfurt, il-Ġermanja, wara informazzjoni li x’aktarx kien qiegħed iġorr sustanza illegali. Assistiti minn uffiċjali tad-Dwana, il-Pulizija fetħu l-bagalja u f’qiegħ falz instab pakkett li fih kien hemm l-allegat droga, b’valur fit-triq ta’ madwar €150,000.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella LL.D ġiet infurmata u ħatret inkjesta.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.