Żewġt irġiel iddaħħlu l-Isptar wara li lbieraħ għall-ħabta tat-3:20 p.m kienu involuti f’inċident fi Triq ix-Xatt fil-Gżira.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Renault Fluence misjuqa minn raġel ta’ 51 sena residenti Ta’ Xbiex u Jaguar E-PACE misjuqa minn raġel ta’ 64 sena residenti Ħ’Attard.
Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanzi li ħadu liż-żewġ sewwieqa lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard is-sewwieq ta’ 51 sena rriżulta li kien sofra ġrieħi gravi filwaqt li l-ieħor kien sofra ġrieħi ħfief.
Issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu. Dan wara li mal-ħabta, waħda mill-karozzi spiċċat maħbuta f’siġra fl-imsemmija triq.
L-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin.