L-allegat aggressur jinstab moħbi f’appartament f’Ħ’Attard mill-Pulizija tar-RIU
Ritratti: CMRU
AĠĠORNAT: Raġel ta’ 36 sena residenti Ħ’Attard, kmieni dalgħodu kien arrestat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit wara lejl imfittex b’rabta ma’ feriment li seħħ ilbieraħ bil-lejl f’Ta’ Qali.
Il-vittma, Bulgaru ta’ 57 sena, indarab serjament b’diversi daqqiet ta’ sikkina. Kienu għall-ħabta tal-11.15 p.m., x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha viċin il-parkeġġ il-kbir ta’ ħdejn l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali minħabba li kien hemm persuna feruta u mixħuta mal-art mimlija dmija.
Il-Pulizija mid-Distrett tar-Rabat u tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru mill-ewwel fuq il-post, fejn hemmhekk sabu l-vittma mixħut fuq bankina u Kuntistabbli tal-Pulizija li kien off-duty, li nzerta għaddej mill-akkwati, li waqaf jagħti l-ewwel għajnuna.
Il-vittma, li aktar tard ġie identifikat li hu Bulgaru, ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għall-kura meħtieġa. Hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li f’daħla li tagħti għall-għelieqi nstabet vettura bid-dwal mixgħulin. Irriżulta li l-vettura kienet tal-vittma.
Ħdejn il-vettura u fid-daħla ta’ fejn instabet, ġew innotati traċċi tad-demm, bil-Pulizija tagħlaq il-post biex tkun ippreservata x-xena tar-reat.
Fuq il-post waslu l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), li minnufih bdew ifittxu fl-akkwati ta’ Ta’ Qali għall-allegat agressur, iżda ma nstabx.
L-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet komplew matul il-lejl. Dawn wasslu biex kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-6.45 a.m., il-Pulizija tar-RIU sabu lill-allegat aggressur ta’ 36 sena mistoħbi f’komun ta’ blokka ta’ appartamenti f’Ħ’Attard.
Ir-raġel instab b’xi ġrieħi f’saqajh li saru waqt l-allegat aggressjoni f’Ta’ Qali. Ir-raġel kien arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet biex ikun magħruf il-mottiv tal-allegat aggressjoni għadhom għaddejjin. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qegħdin jitmexxew mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri, assistiti mill-Pulizija tad-Distrett.
AKTAR KMIENI: Raġel li s’issa għadu mhux identifikat qed isofri minn ġrieħi serji wara li tard il-Ħamis filgħaxija qala’ daqqiet b’arma li taqta’ u bil-ponta. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.15 p.m. fil-parkeġġ il-kbir biswit l-istadium nazzjonali ta’ Ta’ Qali.
Fuq il-post marru minnufih il-Pulizija u ssejjaħ ukoll tim mediku li ħa lir-raġel l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji.
Kelliem għall-Pulizija qal lil inewsmalta li bħalissa għaddejja t-tfittxija għall-allegat aggressur li allegatament ħebb għar-raġel.
B’rabta ma’ dan il-każ infetħet ukoll inkjesta filwaqt li -investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.