Ritratti: ALAN SALIBA
9:50 a.m: Cyrus Engerer rebaħ l-elezzjoni b’32,918 vot biex b’hekk issa se jkun qiegħed jieħu s-siġġu vakat minn Miriam Dalli. Il-proċess tal-għadd tal-voti f’dan il-każ kien wieħed aktar mgħaġġel minħabba li fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew ġiet introdotta s-sistema tal-iscanning li kapaċi toħroġ ir-riżultat awtomatikament wara biss ftit minuti.
Cyrus Engerer huwa gradwat fil-Liġi Ewropea, Politika u Ekonomija mill-Università ta’ Malta u b’Masters fil-Politika Ewropea mill-Kulleġġ tal-Ewropa fil-Belgju. Bejn l-2014 u l-2019, Cyrus Engerer serva bħala l-mibgħut tal-Prim Ministru f’istituzzjonijiet Ewropej, fejn waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mexxa n-negozjati f’isem il-Kunsill mal-Parlament Ewropew. Sa minn Jannar tal-2020 huwa serva bħala konsulent strateġiku ewlieni fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar. Huwa wkoll attivist għad-drittijiet ċivili u kien fuq quddiem f’diversi kampanji f’Malta li xprunaw l-introduzzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili.
Mal-eżitu tal-elezzjoni każwali, Cyrus Engerer irrimarka kemm hu kruċjali li l-Membri Parlamentari Ewropej jiġdbu ħabel wieħed. Qal ukoll li jixtieq ikompli jaħdem fuq dak li bdiet Miriam Dalli fis-settur tal-ambjent u dak tad-drittijiet ċivili.
9:30 a.m: Minn hawn u ftit ieħor se jibda l-għadd tal-voti fl-elezzjoni każwali biex jimtela’ l-post ta’ Membru Parlamentari Ewropew wara r-riżenja ta’ Miriam Dalli.
Il-kandidati f’din l-elezzjoni huma Felix Galea Busuttil, Josef Caruana, Cyrus Engerer, Mary Gauci, James Grech, Robert Micallef u Lorna Vassallo.