Erba’ persuni ddaħħlu l-Isptar wara li lbieraħ għall-ħabta tas-7:00 p.m kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Villabate f’Ħaż-Żabbar.
Minn investigazzjoni li saret irriżulta Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 44 residenti Marsaskala li kienet sejra fid-direzzjoni ta’ Marsaskala ħabtet ma’ Opel Corsa misjuqa minn raġel minn Nepal ta’ 28 sena li kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni opposta. Konsegwentament fl-imsemmi inċident kienu involuti wkoll Hyundai i30 misjuqa minn raġel ta’ 65 sena residenti Raħal Ġdid u mutur Piaggio Vespa misjuq mir-raġel ta’ 25 sena li wkoll kienu qegħdin jinstaqu fid-direzzjoni lejn Ħaż-Żabbar. Fl-Opel Corsa kien hemm ukoll mara min-Nepal ta’ 31 sena.
Minnufih fuq il-post intbagħtu tim mediku u ambulanzi u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex setgħu jinħarġu wħud mill-persuni involuti mill-karozzi rispettivi.
Filwaqt li r-raġel ta’ 65 sena ma ġarrabx ġrieħi, l-erba’ persuni l-oħra ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Aktar tard is-sewwieq tal-mutur kien iċċertifikat bi ġrieħi serji, filwaqt li ż-żewġ persuni min-Nepal u r-raġel ta’ 44 sena kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.