Raġel ta’ 43 sena kellu jiddaħħal l-Isptar b’urġenza wara li aktar kmieni għall-ħabta tas-2:30 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Burmarrad f’San Pawl il-Baħar.
Dan is-sit jinsab infurmat li s-sewwieq kien qiegħed isuq mutur tal-għamla Yamaha XVS1100A fid-direzzjoni lejn il-Mosta meta għal xi raġuni tilef il-kontroll.
Fortunatament jidher li xi Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit kienu għaddejjin miż-żona u tawh l-ewwel assistenza minħabba li kien qiegħed jitlef ċertu dmija sakemm wasal tim mediku mill-Isptar Mater Dei li kompla jassistih u ttieħed l-Isptar permezz ta’ ambulanza li ssejħet fuq il-post. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D fejn ħatar inkjesta.
It-Triq kellha tingħalaq temporanjament lejn iż-żewġ direzzjonijiet sakemm saru l-investigazzjonijiet neċessarji.