Saturday, November 23, 2024

AĠĠORNAT: Sitt każi ġodda; Pazjent ieħor pożittiv f’Karin Grech; Tlieta pożittivi f’Mater Dei

Aqra wkoll

Mill-1,120 test li saru matul dawn l-aħħar 24 siegħa rriżultaw sit każi ġodda. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika charmaine Gauci matul il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha tat aġġornament dwar il-każi ta’ Covid-19 f’pajjiżna.

Il-Professur Gauci qalet li fl-istess waqt fiequ sitt pazjenti oħrajn, b’dan iwassal biex in-numru ta’ każi attivi jibqa’ l-istess, jiġifieri 58.

Dost dawk li fiequ kien hemm pazjent li kellu bejn 20 u 29 sena, ieħor li kellu bejn l-40 u d-49 sena, pazjent ieħor li kellu bejn il-50 u d-59 sena, pazjent ta’ bejn is-60 u d-69 sena, u żewġ pazjenti li kellhom bejn is-70 u d-79 sena.

Il-każi:
  • Mara Maltija ta’ 48 sena. Din il-mara kienet tinsab diġà fi kwarantina, minħabba li ommha li kienet ġiet f’kuntatt magħha, kienet irriżultat pożittiva għall-Covid-19 aktar kmieni din il-ġimgħa. Hija żviluppat nuqqas ta’ xamm fit-8 ta’ Mejju. Il-mara nqabdet mit-testijiet li jsiru lil persuni li jkunu ġew f’kuntatt ma’ persuna oħra li tkun irriżultat pożittiva. Intant minn testijiet oħrajn li saru fuq il-qraba tal-mara rriżultaw negattivi. Dan ifisser li issa dan il-cluster ta’ trasmissjoni tal-Covid-19 jammonta għal tliet każijiet.
  • Raġel Malti ta’ 51 sena, li fid-9 ta’ Mejju kellu griżmejh juġgħuh, għejja u uġigħa ta’ ras. L-awtoritajiet qed jagħmlu l-contact tracing mal-familja tiegħu u anke qed isir risk assesment minħabba li huwa jaħdem bħala self-employed.
  • Raġel Malti ta’ 89 sena, li huwa pazjent fl-Isptar Karin Grech. Huwa wieħed mill-pazjenti li kien jinsab fl-istess sala fejn pazjent ieħor kien irriżulta pożittiv u li kien miet kaġun tal-coronavirus. Ir-raġel kien diġà għamel test għall-Covid-19 li kien irriżulta fin-negattiv. Madankollu minn test ieħor li sar, anke wara li żviluppalu d-deni, ilbieraħ huwa rriżulta pożittiv. L-awtoritajiet tas-saħħa rrepetew ukoll it-testijiet fuq il-pazjenti kollha li kienu fis-sala, u anke saru testijiet fuq firxa akbar ta’ staff, li jammontaw għal 45. Kemm il-pazjenti u kif ukoll l-impjegati rriżultaw fin-negattiv. Intant ir-raġel ġie deskritt bħala li jinsab f’kundizzjoni medika stabbli.
  • It-tliet każijiet l-oħrajn jifformaw cluster. Tnejn mill-każi huma healthcare workers mill-Isptar Mater Dei. Huma kellhom kuntatt ma’ xulxin nhar is-7 ta’ Mejju. Waħda minnhom hija mara Maltija ta’ 27 sena li bdiet turi sintomi fis-7 ta’ Mejju. Il-każ l-ieħor ukoll hija mara Maltija ta’ 25 sena li fis-7 ta’ Mejju kellha griżmejha juġgħuha u l-għada żviluppat deni u sogħla. L-awtoritajiet tas-saħħa għamlu testijiet tal-pazjenti kollha fis-sala u kif ukoll l-istaff. Saru 14-il test fuq l-istaff li rriżultaw ilkoll negattivi, u testijiet lil tmien pazjenti li kienu f’din is-sala li sebgħa rriżultaw negattivi u pazjent Malti ta’ 53 sena li rriżulta pożittiv. Dan il-pazjent beda juri deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tiegħu fis-6 ta’ April u kellu qtugħ ta’ nifs. Minn testijiet li sarulu kien irriżulta negattiv, iżda mit-test li sarlu lbieraħ irriżulta pożittiv.

Sport