Thursday, November 14, 2024

AĠĠORNAT: Tlett idjar tal-anzjani b’numru ta’ residenti pożittivi għall-Covid-19

Aqra wkoll

Minn 3,523 swab test li saru matul dawn l-aħħar 24 siegħa rriżultaw 129 każ ġdid ta’ persuni infettati bil-Covid-19. Fl-istess waqt kien hemm 67 persuna li rkupraw mill-virus.

F’konferenza tal-aħbarjiet li matulha tat l-aġġornament tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna s-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci qalet li matul din il-ġimgħa numru sostanzjali ta’ każi ġodda rriżultaw minn tlett idjar tal-anzjani.

Saħqet li kien hemm 51 resident li kien irriżulta pożittiv flimkien ma’ 14-il impjegat f’Dar Pinto, 21 resident u 15-il impjegat minn Golden Care, u 13-il resident u erba’ impjegati minn Zammit Clapp.

Fl-analiżi tagħha Gauci qalet li l-aktar każi komuni jibqgħu ta’ dawk il-persuni li jirriżultaw pożittivi wara li jiġu f’kuntatt ma’ qarib tagħhom li jkun diġà pożittiv. Hija appellat lil min iħaddem biex isegwi l-istandards suġġeriti mill-awtoritajiet tas-saħħa, filwaqt li inkoraġġiet lin-nies biex jippromwovu t-teleworking.

Il-Professur Gauci qalet ukoll li n-numru ta’ każi fost l-anzjani wassal biex l-età medja tal-każi titla’ bi ftit għal 44 sena.

Hija għamlet aċċenn għall-Influwenza Spanjola u qalet li l-istess bħalma kien ġara f’din l-influwenza, il-każi ta’ persuni pożittivi għall-Covid-19 se jkun qed ikompli jiżdied, mhux biss f’Malta iżda madwar id-dinja kollha.

Hija qalet li meta wieħed jara n-numru ta’ każi ġodda li qed ikunu reġistrati ta’ kuljum, ikun hemm min jaħseb li l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ mhumiex qed jaħdmu. Fl-istess waqt qalet li mingħajr dawn il-miżuri, is-sitwazzjoni tkun ferm agħar milli hi attwalment. Dan filwaqt li kompliet tappella lill-pubbliku biex ikompli jilbes il-maskra u josserva d-distanza soċjali.

Ekonomija

Sport