Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ direzzjoni lejn Ħal Qormi kellha tingħalaq temporanjament għat-traffiku wara inċident li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-2:45 p.m.
Minn stħarriġ illi sar jidher li żgħażugħ ta’ 18-il sena residenti r-Rabat kien qiegħed isuq karozza tal-għamla Mercedes Benz meta għal xi raġuni tilef il-kontroll u ħabat f’arblu. Miegħu fil-karozza kien hemm żewġ ġuvintur oħra ta’ 18-il sena residenti Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ rispettivament.

Fil-post kien hemm preżenza ta’ Pulizija kif ukoll uffiċjali minn Transport Malta li ddiriġew it-traffiku filwaqt li tkomplew l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan l-inċident.

Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ntalbu biex inaddfu xi żjut li nxterdu qabel it-triq setgeħet tinfetaħ b’mod sigur għas-sewwieqa.

Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanzi li ħadu lill-persuni involuti lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.