JOE BIDEN HUWA S-46 PRESIDENT TAL-ISTATI UNITI
Aġġornat:
Ftit tal-ħin ilu, il-President-Elett kompla bil-mixja pożittiva hekk kif rebaħ wkoll l-Istat ta’ Nevada b’distakk ta’ aktar minn 7,000 vot.
F’messaġġ ippreparat, il-President uxxenti tal-Istati Uniti Donald Trump qal li hu mhux lest li jikkonċedi t-telfa. Fi kliemu, “l-elezzjoni għadha mhux magħluqa.” Trump qal dan fid-dawl tal-kawżi legali li fetaħ fil-konfront ta’ numru ta’ Stati u li skontu u allegatament għalqu għajnejhom quddiem “frodi ta’ voti.”
Il-midja internazzjonali kollha, inkluż il-midja Repubblikana, Fox News, kitbu li s-46 President tal-Istati Uniti se jkun il-President Elett Joe Biden.
“It-triq ‘il quddiem hija iebsa iżda nwiegħed li nkun President tal-Amerikani kollha”… Joe Biden jegħleb l-isfida ta’ Donald Trump
F’kumment żgħir ta’ ringrazzjament fuq is-sit soċjali ta’ Twitter, il-President Elett Joe Biden, kiteb li “it-triq ‘il quddiem hija waħda iebsa, iżda nwiegħed li se nservi bħala l-President tal-Amerikani kollha, kemm għal dawk li vvutawli kif ukoll għal dawk li ma vvutawx lili.”
Il-Presidenti uxxenti, Donald Trump huwa ir-raba’ President fl-istorja tal-politika Amerikana li ma ġiex elett għat-tieni terminu.
Fl-aħħar aġġornament mill-Istat ta’ Pennsylvania jista’ jikkonferma li Joe Biden laħaq il-kwota ta’ 270 biex b’hekk isir is-46 President tal-istati Uniti
Hekk kif l-elezzjoni għall-President tal-Istati Uniti daħlet fir-raba’ ġurnata, il-midja internazzjonali qed tirraporta fis-sigħat li ġejjin huwa mistenni li jkun magħruf l-eżodu tar-riżultat fl-Istat ta’ Pennsylvania. Bħalissa, f’dan l-Istat, il-kandidat Demokratiku, Joe Biden, qiegħed jgawdi minn vantaġġ ftit aktar minn 28,000 vot fuq l-avversarju politiku tiegħu u l-President preżenti Donald Trump.
Jekk Biden jirbaħ dan l-Istat ikun ifisser li sar is-46 President tal-Istati Uniti.
Aktar qabel:
Joe Biden qal li jinsab aktar viċin li “li jerbaħ din it-tiġrija” lejn il-White House, iżda naqas milli jiddikjara rebħa b’mod uffiċjali fuq Trump.
Biden jinsab fil-vantaġġ fuq Trump fl-istati importanti ta’ Pennsylvania u Georgia u skont tbassir statistiku huwa jinsab biss stat ‘il bogħod milli jirbaħ l-elezzjoni.
Waqt diskors li għamel fl-aħħar sigħat l-eks Viċi President Biden uża l-frażi “n-numri jitkellmu waħidhom… jekk nħarsu lejn l-andament tal-votazzjoni mill-bieraħ, se nerbħu l-elezzjoni. Fl-aħħar 24 siegħa konna minn taħt f’Georgia, issa qegħdin minn fuq, konna minn taħt f’Pennsylvania u issa se nerbħuh ukoll. Qegħdin fuq quddiem f’Arizona u f’Nevada”.