Friday, November 15, 2024

AĠĠORNAT: TWANNY MARMARA HU R-RAĠEL LI TILEF ĦAJTU WARA LI NTLAQAT MINN KAROZZA FIR-RABAT

Aqra wkoll

Twanny Marmara huwa r-raġel li ġie ddentifikat bħala l-vittma li sfortunatament tilef ħajtu kmieni dalgħodu f’inċident tat-traffiku fir-Rabat.

Marmara kien magħruf ma’ kulħadd bħala l-Għasfur. Bosta kienu dawk li sellmu l-memorja tiegħu fuq il-midja soċjali.

Il-mewt ta’ Twanny li miet fl-età ta’ 54 sena ħasdet lil bosta fir-raħal ta’ Ħal Tarxien. Hu kien maħbub minn bosta minħabba l-karattru tiegħu u l-ġenerożità li kien joffri.

Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm il-klabb tal-futbol ta’ Tarxien Rainbows li tiegħu kien sapporter.

08.00am – AĠĠORNAT: Raġel ta’ 54 sena jitlef ħajtu wara li ntlaqat minn vettura

Il-pulizija ftit tal-ħin ilu kkonfermaw l-aħbar li tella’ dan is-sit matul il-lejl li raġel kien tilef ħajtu wara li tajjar minn vettura.

Fi stqarrija l-pulizija qalu li għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ filgħodu ġew informati b’inċident tat-traffiku fi Triq il-Belt Valletta, l-Imdina.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel kien intlaqat minn Peugeot 208, misjuqa minn raġel ta’ 20 sena residenti l-Qrendi.

Tim mediku ta l-assistenza iżda sfortunatament, il-vittma, li aktar tard ġie identifikat li għandu 54 sena u residenti Ħal Tarxien, ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

02.33am – RAĠEL IMUT F’INĊIDENT TAT-TRAFFIKU FIR-RABAT MALTA

Raġel spiċċa tilef ħajtu wara li ntlaqat minn karozza fi Triq it-Telgħa tas-Saqqajja r-Rabat Malta. Il-każ seħħ ftit tal-ħin ilu.

Fuq il-post marru mill-ewwel il-pulizija u anke ambulanza, iżda minkejja l-isforzi kollha mit-tim mediku, ir-raġel ġie ddikjarat mejjet fuq il-post.

Il-pulizija qegħdin jinvestigaw il-każ.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.

Ekonomija

Sport