Illum, għall-ħabta tas-7:00 a.m, żagħżugħ ta’ 22 sena residenti Ħaż-Żabbar
ittieħed l-Isptar Mater Dei wara li weġġa’ f’inċident tat-traffiku fi Triq Patri G A Bonelli, ir-Rabat.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Vitz misjuqa mill-vittma u karozza tal-linja tal-għamla Otokar Vectio misjuqa minn raġel ta’ 27 sena residenti San Pawl il-Baħar.
Tim mediku ta l-assistenza u l-persuna ttieħed l-isptar b’ambulanza fejn aktar tard ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni dalgħodu: Żagħżugħ l-Isptar wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fir-Rabat
Żagħżugħ ta’ 22 sena minn Ħaż-Żabbar kellu jittieħed l-Isptar wara li aktar kmieni dalgħodu kien involut f’inċident tat-traffiku fir-Rabat
Kelliem għal Pulizija kkonferma ma’ Talk.mt li l-inċident seħħ għal ħabta tas-7:00 a.m fi Triq Patri G.A Bonelli fir-Rabat. Huwa ikkonferma ukoll li ż-żagħżugħ ta’ 22 sena kien qiegħed isuq Toyota Vitz u li l-inċident seħħ bejn il-karozza taż-żagħżugħ u karozza tal-linja li kienet qegħda tinstaq minn żagħżugħ ta’ 27 sena residenti San Pawl il-Baħar.
Aktar dettalji malli jaslulna ….