Żewġ persuni ndarbu serjament wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku.
Illum, għall-ħabta tal-4.45p.m., il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza minħabba inċident tat-traffiku fi Triq Reġjonali, Santa Venera.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Suzuki Alto misjuqa minn raġel ta’ 49 sena residenti l-Furjana u Honda Jazz, misjuqa minn raġel ta’ 43 sena residenti il-Belt Valletta.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu.
Ix-xufier tas-Suzuki Alto u passiġġier li kien fl-istess karozza, Taljan ta’ 48 sena u residenti l-Fgura, ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun għadhom għaddejjin.