Ir-raġel arrestat huwa Malti ta’ 34 sena residenti l-Belt Valletta. Skont aktar informazzjoni maħruġa mill-Pulizija fl-aħħar ħin intqal li għaddejja investigazzjoni biex ikun stabbilit jekk kienx hemm persuni oħra li sofrew ħsarat fil-karozzi tagħhom waqt l-insegwiment.
Kelliem għall-Puliizja spjega li waqt li l-Pulizija kienet qiegħda ssegwi lir-raġel sparat anke xi tiri fid-direzzjoni tat-tajer tal-karozza li kien qiegħed isuq bil-għan li twaqqfu.
Ir-raġel baqa’ jsuq għal diversi Kilometri wara l-inċident fil-Marsa sakemm twaqqaf f’Kordin u għalhekk s’issa diffiċli jkun determinat jekk kienx hemm karozzi oħra involuti. Il-Pulizija se tkun qiegħda tinvestiga dwar rapporti li jistgħu jagħmlu individwi li jirritornaw lejn il-karozzi tagħhom u jsibu xi ħsara waqt li kienu pparkjati. F’dawn il-każi l-investigazzjoni tinkludi jekk l-insegwiment kienx jinkludi t-triq imsemmija u jekk iva, jekk il-ħsarat kinux ikkawżati mill-istess karozza segwita.
11:00 a.m: Ir-raġel arrestat huwa Malti u magħruf sew mal-Pulizija
Ir-raġel imfittex mill-Pulizija twaqqaf fi Vjal Sir Paul Boffa f’Raħal Ġdid wara li l-pulizija baqgħet issegwih wara tiri sparati fil-Marsa.
Aktar qabel fil-Marsa, ir-raġel arrestat tajjar pulizija ieħor li kien off-duty u baqa’ sejjer. Il-Pulizija kellha anke tispara xi tiri oħrajn sakemm ir-raġel ġie miżmum minnha.
Waqt l-insegwiment tal-Pulizija f’Raħal Ġdid, karozza oħra kienet involuta f’inċident mal-karozza li kien qiegħed isuq ir-raġel segwit.
talk.mt jinsab infurmat li r-raġel arrestat huwa Malti u li diġà kien tressaq il-Qorti fuq reati relatati ma’ droga u anke serq.
Bħalissa huwa qiegħed jinżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn il-Pulizija mistennija tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha.
8:00 a.m: Sparati tiri fil-Marsa … raġel arrestat wara hit-and-run
Pulizija off-duty ittieħed l-isptar b’urġenza wara li aktar kmieni għall-ħabta tas-7:30 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq tat-Tromba kantuniera ma’ Triq is-Salib tal-Marsa fil-Marsa.
Dan is-sit jinsab infurmat li sewwieq ta’ mutur intlaqat minn karozza li baqgħet sejra minn fuq il-post. Skont l-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-Pulizija kienet qiegħda ssegwi persuna mfittxija minnha li lemħet aktar qabel l-inċident. Jidher li sfortunatament is-sewwieq midrub safa milqut waqt dan l-insegwiment. Ninsabu infurmati wkoll li s-sewwieq tal-karozza li baqa’ sejjer ġie mwaqqaf ftit wara fil-limiti ta’ Kordin.
Fil-post issejħet ambulanza u tim mediku li assistew lis-sewwieq tal-mutur sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. S’issa l-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.
It-triq tinsab temporanjament magħluqa għat-traffiku sakemm il-Pulizija tkun tista’ tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ dan l-inċident.