Kelliem għall-Pulizija filwaqt li serraħ ras lill-qraba kollha ta’ dawk involuti fl-inċident kompla biex jagħti xi dettalji.
Huwa spjega li minħabba miżuri ta’ prekawzjoni l-uffiċjali involuti fl-operazzjoni biex jiġi eliminat kull forma ta’ periklu mill-post fejn seħħet l-isplużjoni qed jiġu megħjuna minn drone li ttajjar biex jagħti stampa aħjar ta’ dak li hemm fil-post.
Huwa kkonferma li daqskemm kienet aħbar pożittiva li ħadd ma sofra ġrieħi serji f’dan l-inċident, daqstant ieħor jeħtieġ li jkun żgurat li dawk kollha involuti ma jindarbux waqt din l-operazzjoni.
Il-Maġistrat Gabriella Vella qiegħda tmexxi l-inkjesta b’rabta ma’ dan l-inċident.
5:45 p.m: “Il-ġrieħi li sofrew huma kawża ta’ paniku fil-mument… m’hemmx għalfejn tinħoloq kommossjoni żejda”
Dan is-sit jinsab fi stat li jikkonferma li ħadd ma weġġa’ hekk kif id-dilettanti fi ħdan il-Kumpless 15 t’Awwissu tal-Mosta li kienu preżenti fil-ħin tal-incident fortunatament laħqu ħargu minn fuq il-post fil-bidu tal-isplużjonijiet prematuri.
Minkejja dan sorsi mill-post qalulna li minn fost il-11-il membru li kien hemm fil-post, kien hemm xi persuni li sofrew xi ġrieħi huma hu jitbiegħdu mill-isplużjonijiet.
Dan is-sit jinsab infurmat li fil-post issejħu żewġ ambulanzi u tim mediku li assistew żewġt irġiel residenti il-Mosta minħabba xi ġrieħi li sofrew. Jidher li persuna sofriet xi ksur wara li waqgħet minn għoli, filwaqt li ieħor sofra minn xi ħruq ħafif.
Sorsi qrib tagħna qalulna li minkejja dan kollu fil-post kien hemm nifs twil hekk kif fortunatament l-isplużjoni innifisha ma kkawżat l-ebda ġrieħi hekk kif dawk preżenti kienu ħfief u ntebħu b’dak li segwa ftit tas-sekondi wara.
Intant dilettanti tal-piroteknika qegħdin jappellaw lill-midja biex ma jdawrux il-fatt b’tali mod li joħolqu kommossjoni bla bżonn b’mod speċjali b’rispett lejn dawk involuti li jistgħu jgħodduha b’waħda wara dak li seħħ ftit tal-minuti ilu.
4:00 p.m: Ħadd ma weġġa’ fl-isplużjoni
Sorsi ta’ minn joqgħod fuqhom li għandu dan is-sit ikkonfermaw li fortunatament ħadd ma weġġa’ f’din l-isplużjoni li seta’ kellha eżitu ferm agħar.
Talk.mt jinsab infurmat li fil-post kien hemm numru ta’ dilettanti tal-piroteknika li kienu qegħdin jaħdmu anke minħabba li qiegħda toqrob il-festa.
Minkejja dan kollu mhux eskluż li xi persuna jew persuni jkollhom jingħataw assistenza medika minħabba xi dħaħen kbar li hemm fil-post.
3:30 p.m: Splużjoni f’kamra tan-nar fil-Mosta
Ftit tal-ħin ilu diversi lokalitajiet madwar Malta fosthom dawk l-aktar li jdawru l-kamra tan-nar 15 t’Awwissu fil-Mosta esperjenzaw sensiela ta’ splużjonijiet.
Dan is-sit jinsab infurmat li għalkemm kien hemm xi nies fil-ħin tal-isplużjoni, jidher li fortunatament kulħadd laħaq ħareġ mill-periklu u li b’hekk x’aktarx ħadd ma ndarab f’dan l-inċident.
Aktar dettalji kif jaslulna…