F’kummenti lill-midja b’rabta ma’ dak li għaddej, l-Aġent Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro kkonferma li b’kollox intbagħtu mal-25 pumpier biex jassistu fil-post.
Mistoqsi dwar x’seta’ kkawża n-nirien, huwa qal li għadu kmieni wisq biex jikkummenta dwar dan, iżda spjega li d-daħna kbira sewda kienet ikkawżata minn materjal li nħakem min-nirien bħalma huma fjuwil ta’ vetturi li kien hemm fiż-żona, xi dgħajjes u anke tajers.
Intant il-Pulizija qed jinvestigaw il-każ filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa, Noel Bartolo, qed imexxi inkjesta.

1:30 p.m: Pumpiera jassistu wara li ntlemħet daħna kbira fiż-żona industrijali ta’ Kordin
Bħalissa għaddejja ħidma mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li ġew mitluba biex jassistu minħabba nirien li bdew minn ġo għalqa li fiha kien hemm numru ta’ inġenji fiż-żona industrijali ta’ Kordin. Dan ġara għall-ħabta tas-01.30 p.m. wara li xi makkinarju ħa n-nar.
Il-Pulizija ġew avżati bil-każ u jinsabu fuq il-post għal aktar stħarriġ. Sadanittant t-triq li tagħti għaż-żona industrijali ta’ Kordin tinsab magħluqa għat-traffiku.

Il-Pulizija qed titlob biex ir-residenti tal-akwati jżommu t-twieqi ta’ djarhom magħluqa.
