Friday, December 13, 2024

AĠĠORNATA: Il-pumpiera jirnexxilhom jikkontrollaw in-nirien li nfirxu f’diversi żoni

Aqra wkoll

Sorsi qrib Talk.mt ikkonfermaw magħna li l-ħidma li ħadet numru ta’ sigħat, ġiet fi tmiemha b’suċċess grazzi għal ħidma kollaborattiva bejn l-uffiċjali kollha involuti.

Id-dħaħen għadhom jinfirxu u l-irwejjaħ għadhom jippersistu f’xi żoni, iżda jidher li n-nirien mifruxin f’diversi lokalitajiet huma kollha kontrollati.

Ritratti: Alan Saliba

Bħala miżura ta’ prekawzjoni jidher li xi uffiċjali baqgħu għal xi ħin għassa f’każ li jkun hemm xi sinjali li juru mod ieħor, iżda kollox qiegħed jindika li l-operazzjoni ntemmet b’suċċess.

6:00 p.m: Bdiewa mħassbin dwar it-telf tal-prodotti li ilhom jkabbru diversi xhur

L-uffiċjali komplew b’ħidma ma taqta’ xejn fiż-żoni li fihom infirxu n-nirien. Għadd ta’ uffiċjali u vetturi komplew jaslu biex jassistu lil dawk li intervjenew qabilhom hekk kif din il-ħidma hu stmat li se tinvolvi sforz kollettiv u eluf ta’ litri ta’ ilma trasportat b’diversi vetturi mid-Dipartiment.

Bdiewa li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li jinsabu mħassbin dwar dak kollu li ilhom jaħdmu għalih f’dawn l-aħħar xhur fosthom siġar li kabbru huma stess u prodotti agrikoli oħrajn li kellhom miżrugħin. Madanakollu huma qalu li l-ħidma tal-pumpiera hija ferm aktar importanti f’dawn il-mumenti.

Kif jixhdu ritratti meħudin mill-fotografu ta’ Talk.mt, dawn l-uffiċjali b’esperjenza liema bħala jidħlu fin-nirien biex joffru sigurtà lill-pubbliku.

Il-ħidma tkompli…

5:00 p.m: Jintervjenu wkoll il-Pulizija… inħawi kontrollati… tkompli l-ħidma f’inħawi oħrajn

Minħabba l-firxa tan-nirien kellhom jintervjenu wkoll uffiċjali mill-għases tad-distretti rispettivi.

Fuq nota aktar pożittiva kif jixhdu ritratti meħudin minn dan is-sit juru li l-pumpiera rnexxielhom jikkontrollaw in-nirien f’xi inħawi anke jekk il-ħidma jidher li mistennija tieħu aktar ħin.

Għalkemm ġew innutati xi ambulanzi minn tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-annimali, s’issa mhux magħruf jekk kienx hemm xi annimali li kellhom jiġu assistiti minħabba n-nirien u d-dħaħen li komplew jinfirxu.

4:30 p.m: In-nirien jinfirxu f’diversi lokalitajiet… Għadd ta’ uffiċjali involuti

Dan is-sit jinsab infurmat li anke minħabba l-element tar-riħ li kompla jxekkel il-ħidma tal-pumpiera, l-għadd ta’ uffiċjali li ntalbu jintervejnu żdied b’mod konsiderevoli.

Jidher li minbarra għadd ta’ pumpiera kif ukoll vetturi tat-tifi tan-nar, ġew imsejħa numru ta’ uffiċjali minn Transport Malta hekk kif in-nirien u d-dħaħen komplew jiksu partijiet oħra fil-viċinanzi.

Fost il-lokalitajiet li fihom intlemħu n-nirien hemm l-Ibraġġ, is-Swieqi, San Ġwann, San Ġiljan u Pembroke.

3:15 a.m: Ħidma biex jiġu kkontrollati nirien f’San Ġwann

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinsabu għaddejjin b’ħidma biex jikkontrollaw nirien li żviluppaw fl-inħawi ta’ San Ġwann.

Dan is-sit jinsab infurmat li n-nirien żviluppaw f’Wied Għomor għall-ħabta tas-2:30 p.m u għalkemm għal xi ħin kien maħsub li n-nirien kienu ġew ikkontrollati, dawn reġgħu bdew jinfirxu tant li kellha tingħalaq it-triq għat-traffiku.

Uffiċjali ta’ Transport Malta jinsabu fil-post biex jidderiġu t-traffiku filwaqt li r-residenti qegħdin ikunu mħeġġin jagħlqu t-twieqi minħabba dħaħen li hemm fiż-żona.

Ekonomija

Sport