Friday, November 22, 2024

AĠĠORNATA: Il-Qorti tilqa’ t-talba tal-Gvern… il-mandat se jinstema’ għada

Aqra wkoll

Wara li r-rikors li daħħal il-Gvern ta’ Malta permezz ta’ l-Avukat ta’ l-Istat aktar kmieni llum, il-Qorti laqgħat it-talba u l-każ ta’ l-att tal-Mandat tal-Inibizzjoni ġie appuntat għal għada 14 ta’ April.

Aktar Qabel: Il-Qorti tilqa’ b’mod proviżorju l-mandat tal-BirdLife… Il-Gvern b’rikors biex dan jinstema’ b’urġenza

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli laqgħet b’mod proviżorju t-talba ta’ Birdlife Malta biex jitwaqqaf l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema. Fl-istess ġiet iffissata d-data biex tinstema’ l-kawża u tingħata deċiżjoni fuq din it-talba għal nhar it-Tlieta 19 ta’ April fid-9 a.m. Dan awtomatikament ifisser li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiema mhux se jiftaħ nhar il-Ħadd li ġej 17 ta’ April. 

B’reazzjoni għal din l-aħbar il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kkonferma li l-Gvern ta’ Malta permezz ta’ l-Avukat tal-Istat ippreżenta rikors sabiex dan il-mandat ta’ inibizzjoni jinstema’ b’urġenza u qabel l-imsemmija data.

Sadanittant BirdLife Malta se tkun qed tikteb lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Kap tat-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (WBRU) biex tiżgura li huma konxji ta’ dan l-iżvilupp u li ħadd ma jista’ jikkaċċja għall-Gamiem din ir-rebbiegħa qabel ma l-kawża tkun deċiża, u l-kaċċa tkun tista’ ssir biss jekk il-kawża tintilef. Il-BirdLife qiegħda ssostni li kull min jikkaċċja għall-gamiem qabel id-deċiżjoni tal-qorti jkun qed jikser il-liġi. 

Fi stqarrija, il-Kaċċaturi San Ubertu rreferiet għad-dritt li tiġi applikata deroga fir-rebbiegħa bħala parti mid-Direttiva tal-Għasafar tal-UE  li l-istess Birdlife International qablet dwaru. L-istqarrija tkompli li Malta rebħet dan id-dritt wara deċiżjoni tal-Qorti Ewropea kif ukoll b’konferma tal-maġġornanza f’referendum li qajmet Birdlife Malta f’tentattiv ieħor fejn turi id-diżrispett lejn dak kollu legali u li għandu dritt għalih il-kaċċatur fir-rebbiegħa.

Fid-dawl ta’ dan l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu offriet l-appoġġ u kull għajnuna lil-Ministru responsabbli u lill-gvern filwaqt li tenniet l-impenn li tibqa’ għaddejja bl-istudji tagħha fuq il-gamiem biex tkompli issaħħaħ il-pożizzjoni tal-gvern Malti.

Sport