Il-Pulizija qiegħda tinvestiga dwar is-sejba ta’ katavru li nstab f’bagoll ta’ vettura fil-Wied ta’ Ħal Qormi.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li kien għall-ħabta tal-10:30 a.m xħin il-Pulizija rċeviet rapport ta’ riħa qawwija ħierġa minn vettura fl-imsemmi post. Dan minħabba li l-katavru nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni.

Il-Pulizija waslet minnufih fil-post u fil-preżenza tal-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella nfetħet il-vettura u sfortunatament instab il-katavru ta’ raġel mgħotti.
Il-Pulizija kkonfermat ukoll li l-vettura hija l-istess waħda li fl-aħħar jiem talbet lill-pubbliku biex jgħinha fit-tfittxija tagħhom, iżda s’issa ma tistax tikkonferma li l-vittma huwa l-istess sid tal-vettura li kien irrapurtat nieqes f’dawn l-aħħar jiem.

Madankollu Pisani kkonferma li l-katavru nstab f’karozza tal-għamla Peugeot 407 li tappartjeni lil Mario Farruiga ta’ 62 sena minn Pembroke. Huwa kien ġie rrapportat nieqes lill-Pulizija fit-2 ta’ April li għadda iżda deher l-aħħar qrib id-dar tiegħu fit-28 ta’ Marzu li għadda.

Awtopsja fuq il-katavru mistennija titfa’ aktar dawl fuq il-każ li bħalissa qed jiġi trattat bħala omiċidju.