Monday, May 13, 2024

Aġġornata: Il-vittma tal-aħħar qtil fil-Marsa identifikat bħala Eġizzjan ta’ 21 sena

Aqra wkoll

Ir-raġel li l-Ħadd li għadda nqatel b’daqqiet ta’ sikkina kien identifikat bħala Eġizzjan ta’ 21 sena. 

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6.30 p.m. xħin il-pulizija ġiet infurmata li kien inqala’ argument bejn żewġ persuni fi Triq Patri Feliċjan Bilocca, il-Marsa.

Meta marru fuq il-post, sabu lir-raġel mixħut mal-art, mitluf minn sensih u bi ġrieħi kkawżati minn arma li taqta’ u bil-ponta. 

L-Eġizzjan instab li kellu erba’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru u f’dahru. Huwa ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn sfortunatament tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.

L-allegat aggressur, Sudaniż ta’ 28 sena, kien inżamm minn persuni li kienu fuq il-post li marru jiġru warajh sakemm waslu l-pulizija u arrestawh fi triq viċin fejn fil-pussess tiegħu nstabet ukoll sikkina li allegatament intużat fid-delitt.

Al Mahy Ezzo Saeed kien tressaq il-Qorti t-Tnejn li għadda fejn ġie mixli li qatel persuna, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja, li kellu fuqu din l-arma fil-ħin li qed jagħmel reat u li b’mod volontarju kiser il-paċi pubblika.

Saeed inżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu mistennija li tibda fil-jiem li ġejjin.

Sport