Sunday, December 22, 2024

AĠĠORNATA: Ingliż mistenni jitressaq il-Qorti wara li allegatament ikkawża ġrieħi gravi lil xufier fil-Mellieħa

Aqra wkoll

Xufier tella’ post fuq il-Facebook tiegħu fejn irrakkonta minn xiex għadda waqt li kien xogħol. Huwa rrakkonta kif kellu vjaġġ għall-ħabta tal-4:00 a.m. fejn ried iwassal żagħżugħ Ingliż mill-Belt Valletta sal-Mellieħa. 

Ix-xufier spjega kif dan iż-żagħżugħ kien f’sakra ma jarax art u qalbu ħebbritu li ser jinqala’ xi ħaġa meta dan iż-żagħżugħ qabad ipejjep fil-karozza u jtella’ siequ fuq id-dashboard. Ix-xufier min-naħa tiegħu sostna li ma qallu xejn.

Skont ix-xufier, meta waslu l-Mellieħa, iż-żagħżugħ beda jurih mil-liema toroq ried jgħaddi iżda f’ħin minnhom iż-żagħżugħ neħħa s-seatbelt u qabad jagħti lix-xufier b’ponn tal-ħadid għal madwar seba’ minuti. 

Ix-xufier stqarr li hu kien għadu marbut u ma seta’ jagħmel xejn ħlief li jdoqq il-ħorn bit-tama li joħroġ jgħinu xi ħadd. Huwa qasam xi ritratti fuq il-midja soċjali fejn jidher b’wiċċu mimli demm. 

Kelliem għall-pulizija indika ma’ dan is-sit li x’aktarx ix-xufier sofra ġrieħi gravi. Intant, il-pulizja għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha u l-aggressur mistenni jitressaq il-Qorti illum għall-ħabta ta’ 12:00 p.m., quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco.

Bosta kienu dawk li kkumentaw fuq dan il-każ fosthom Anton Rea Cutajar fejn kiteb li “ma nistgħux nibqgħu nittolleraw li Maltin jiġu msawta f’pajjiżna”. Huwa kiteb ukoll f’każijiet bħal dawn għandha ssir deportazzjoni lil kull barrani li huwa kriminal jew ta’ mġiba mhux xierqa mingħajr ma jkun jista’ jiġi lura Malta.

Ekonomija

Sport