Sunday, October 27, 2024

AĠĠORNATA: “Ir-rebħa hija mminenti… Kunu paċenzjużi” – Joe Biden

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

6:30 p.m: “Kunu paċenzjużi, kunfidenti b’dak li qegħdin naraw”

Ftit tal-ħin ilu, it-tim li qiegħed mexxa l-kampanja elettorali ta’ Joe Biden u għadu għaddej b’xogħol kontinwu sa issa qal li “ir-rebħa hija waħda mminenti”. Preżentament, fl-Istat ta’ Nevada, Joe Biden qiegħed igawdi vantaġġ ta’ kważi 12,000 vot fuq il-President attwali Donald Trump. Rebħa f’dan l-Istat tkun tfisser li Biden jagħmel pass ieħor biex isir il-President il-ġdid tal-Istati Uniti.

Ta’ min jinnota li minkejja li fl-Istat ta’ Georgia, Donald Trump jinsab fuq quddiem, Biden qed jagħmel avvanzi kbar hekk kif bħalissa qed jingħaddu voti li ntbagħtu bil-posta u li jistgħu jaffavurixxu lil dan tal-aħħar.

Fi Tweet ftit tal-ħin ilu, Joe Biden appella biex il-poplu Amerikan ikun paċenzjuż hekk kif qed jingħad kull vot. Huwa qal li hu flimkien mat-tim tiegħu kunfidenti b’dak li qegħdin jaraw.

5:00 p.m: Trump mhux se jaqta’ qalbu

Donald Trump jista’ jkun qed jirritorna fil-politika minn hawn u erba’ snin oħra jekk kemm-il darba jitlef l-elezzjoni Presidenzjali kontra Biden.

Ħabbar dan kelliem għal Donald Trump hekk kif Joe Biden jinsab biss sitt kulleġġi elettorali bogħod milli jinħatar President tal-Amerika. Minkejja ħafna spekulazzjonijiet, bir-rebħa li għadha tista’ tmur fuq iż-żewġ naħat, u f’każ ta’ telfa għal Trump, it-tim tiegħu se jkun qiegħed jieħu azzjoni legali fir-rigward ta’ numru ta’ stati importanti f’din l-elezzjoni.

Iżda jekk Trump jitlef din id-darba, huwa jista’ jirritorna fl-2024 fl-età ta’ 78 sena. Bryan Lanza, eks direttur tal-komunikazzjoni għal Trump qal li dan tal-aħħar jista’ jkun kandidat b’saħħtu fl-elezzjoni li jmiss. Għalkemm mhux magħruf jekk ir-Repubblikani jaslux jippermettu dan, skont Lanza m’hemm ħadd fil-partit li jista’ joffri sfida akbar minnu. Lanza żelaq fin-niexef meta kompla biex jgħid li fl-2024 Trump se jkun iżgħar milli hu Biden llum, dikjarazzjoni żbaljata hekk kif Biden għandu 77 sena.

President Amerikan ma jitħallhiex iservi aktar minn żewġ leġiżlaturi, iżda l-kostituzzjoni tal-pajjiż ma tindikax jekk dawn għandhomx ikunu wara xulxin jew le.

12:10 p.m: Min qiegħed l-aktar viċin li jirbaħ; Biden jew Trump?

Sigħat sħaħ ta’ għadd ta’ voti, inklużi dawk li ddaħħlu bil-posta minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija u għad m’hemm l-ebda konferma ta’ min se jkun qiegħed jidħol fil-White House bħala l-President il-ġdid.

It-taqtiegħa hija waħda viċin ħafna u s’issa l-ebda kandidat ma kiseb il-270 Kulleġġ Elettorali neċessarji biex ikun dikjarat rebbieħ.

S’issa s-sitwazzjoni hija waħda mċajpra; b’żieda ta’ voti mpustati u l-manager ta’ Trump li qed jgħid li se jkun qiegħed jitlob li jerġgħu jingħaddu l-voti f’Wisconsin, il-proċess qiegħed ikompli jitwal.

Minkejja ħafna spekulazzjonijiet, li hu ċert hu biss li żewġ kandidati jinsabu viċin u li f’dan l-istadju jista’ jkun kemm Biden kif ukoll Trump li jieġu postu fil-White House.

7:45 a.m: Segwaċi ta’ Trump jipprotestaw f’Arizona

Folla kbira mis-segwaċi ta’ Trump, saħanitra uħud minnhom armati daru mal-post fejn kien għaddej l-proċess tal-għadd tal-voti f’Arizoma.

Il-folla bdiet tikber f’Phoenix f’Arizona u skont rapporti jidher li mijiet ta’ persuni bdew jagħjtu “għoddu l-voti” u qalu li ma kien hemm l-ebda Repubblikan involut fl-għadd tal-voti.

Fil-post kellhom jissejħu uffiċjali protetti sa snienhom sabiex setgħet tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni.

Intant il-folla kompliet tgħajjat il-frażi tant popolari għal Trump “Fake News”, filwaqt li komplew ixejru l-bnadar ta’ Trump.

5 ta’ Novembru 2020, 12:30 a.m: Biden pass eqreb lejn ir-rebħa

Fl-aħħar sigħat, Joe Biden kompla jersaq viċin it-tragward ta’ 270 vot elettorali filwaqt li Trump baqa’ ma ċċaqlaqx.

Biden jinsab pass ieħor viċin ir-rebħa f’din l-elezzjoni Presidenzjali wara li fl-aħħar sigħat huwa kisen lura l-istat ta’ Michigan. Skont analiżi maħduma minn CNN, NBC News u CBS News din r-rebħa tat 16-il vot elettorali lil Biden.

Biden rebaħ ukoll l-istat ta’ Wisconsin, fejn kiseb 10 punti elettorali oħra biex b’hekk issa jinsab biss sitt voti elettorali ’l bogħod milli jiġi kkonfermat bħala rebbieħ.

Donald Trump baqa’ fejn kien numru ta’ sigħat ilu b’214-il vot elettorali.

10:30 p.m: Biden isostni li se jkabbar il-maġġoranza tiegħu fuq Trump

F’diskors li għamel fl-aħħar ħin wieħed mill-kandidati li qed jissieltu biex jieħdu posthom fil-White House rringrazzja lill-poplu li fakkar li d-demokrazija għadha b’saħħitha. Biden fid-diskors tiegħu qal li fl-Amerika huma n-nies li jmexxu u huma se jiddeċiedu min se jkun il-President li jmiss.

Huwa qal li wara numru ta’ sigħat mill-bidu tal-għadd tal-voti, “jidher ċar li qed nirbħu biżżejjed stati biex nilħqu l-270 vot elettorali meħtieġa. M’iniex hawn biex niddikjara li rbaħna, iżda qiegħed hawn biex nirraporta li nemmnu li meta jispiċċa l-għadd tal-voti se nkunu aħna li noħorġu rebieħa.”

Huwa sostna dan fid-dawl ta’ stati li ngħalqu u li fihom hu kiseb l-maġġoranza tal-voti. Huwa qal li kull indikazzjoni qed turi li l-maġġoranza tiegħu se tkompli tikber.

Huwa qal li kienu biss tlieta l-persuni li rebħu lill-President preċedenti, iżda jekk Alla jgħinu, din se tkun ir-raba’ darba.

9.30 p.m.: Il-kampanja ta’ Trump tiddikjara rebħa f’Pennsylvania għalekmm għad m’hemm xejn ċert

Il-kampanja ta’ Trump qalet li se tkun qed tiftaħ proċeduri legali biex twaqqaf il-proċess tal-għadd tal-voti f’Pennsylvania.

Fl-istess waqt qalu huma ddikjaraw li se jkunu qed jiddikjaraw ir-rebħ tagħhom f’dan l-istat, bid-distakk bejn iż-żewġ kandidati għadu wisq żgħir biex dan ikun aċċertat.

8.19 p.m.: Biden jirbaħ Wisconsin

L-aġenzija tal-aħbarijiet AP qed tirrapporta li Joe Biden rebaħ l-istat ta’ Wisconsin biex kiseb 1o voti elettorali oħrajn. Dan huwa t-tieni stat li fih inbidlet il-maġġoranza minn Repubblikan għal Demokratiku wara l-istat ta’ Arizona.

8.05 p.m.: Il-kampanja ta’ Donald Trump bi proċeduri legali biex jitwaqqaf il-proċess tal-għadd tal-voti f’Michigan

Il-kampanja ta’ Donald Trump qalet li fetħet proċeduri legali biex jitwaqqaf il-proċess tal-għadd tal-voti fl-istat ta’ Michigan.

Bill Stepien qal li l-President Trump huwa kommess li jingħaddu l-voti kollha legali f’Michigan u fl-istati kollha Amerikani.

Intant Joe Biden attwalment għandu vantaġġ żgħir f’dan l-istat. Iżda għad baqa’ ħafna voti li għad iridu jingħaddu.

7.00 p.m.: Il-kampanja ta’ Trump titlob recount f’Wisconsin

Il-kampanja ta’ Donald Trump qed titlob li jkun hemm recount ta’ Wisconsin, hekk kif ir-riżultati qed jindikaaw li Joe Biden għandu vantaġġ ta’ madwar 20,000 vot.

“Kien hemm rapporti ta’ irregolaritajiet f’diversi konteji ta’ Wisconsin li jqanqlu dubji serji dwar il-validità tar-riżultati,” qal Bill Stepien, il-maniġer tal-kampanja ta’ Trump. “Il-President jinsab fit-threshold li jitlob recount u se nkunu qed nagħmlu dan b’mod immedjat.”

Għalkemm Trump jaf jitlob recount, din diffiċilment tista’ tbiddel ir-riżultat finali ta’ Wisconsin jekk id-differenza fil-voti hija ta’ 20,000 vot. Anke l-alleati ta’ Trump, fosthom l-eks gvernatur ta’ Wisconsin Scott Walker, qalu li recount mhux mistenni li jibdew ir-riżultat finali fl-istat.

4.20 p.m.: Trump jitfa’ dubji fuq l-għadd tal-voti

“Sal-bieraħ filgħaxija kelli vantaġġ f’diversi stati importanti, fil-biċċa l-kbira tagħhom ikkontrollati mid-Demokratiċi. Imbagħad wieħed wieħed maġikament bdew jgħibu. Stramba ħafna!” Hekk ikkummenta Donald Trump f’kumment li ppubblika fuq twitter hekk kif qed jonqos iċ-ċans li jerġa’ jiġi elett president għat-tieni terminu.

Intant f’kumment ieħor fuq twitter Trump tefa’ dubju fuq dawk il-voti bil-posta, hekk kif jidher li d-Demokratiċi qed jiksbu vantaġġ konsiderevoli minnhom.

1.12 p.m.: Erba’ stati importanti b’madwar 10% tal-voti li għad iridu jingħaddu

Bħalissa hemm erba’ stati fejn in-numru ta’ voti li għad baqgħalhom madwar 10% tal-voti li jridu jingħaddu. Dawn huma l-istati ta’ Wisconsin, Georgia, North Carolina u Michigan. F’dawn l-erba’ stati Trump għandu vantaġġ ċar f’Georgia u North Carolina.

Min-naħa l-oħra d-distakki fl-istati ta’ Wisconsin u Michigan huma ferm aktar viċini u għaldaqstant jistgħu jintrebħu kemm minn Trump u kif ukoll minn Biden. F’Michigan Trump għandu vantaġġ ta’ 13,057 vot iss fuq Biden, u għad baqa’ madwar 540,000 vot xi jridu jingħaddu.

F’Wisconsin Biden għandu vantaġġ ta’ 20,748 vot fuq Trump u għad baqa’ 173,000 vot xi jridu jingħaddu.

1.22 p.m.: Trump aktarx se jitlef l-istat ta’ Wisconsin

L-indikazzjonijiet huma li Trump se jkun qed jitlef l-istat ta’ Wisconsin. Biden attwalment jidher li għandu vantaġġ ta’ 11,000 vot fuq Trump.

10.51 a.m.: Biden b’vantaġġ minimu f’Wisconsin

Joe Biden għandu vantaġġ minimu fuq Donald Trump f’Wisconsin. L-istat għandu 10 voti elettorali.

10.00 a.m.: Biden jgħid li jinsabu fit-triq tar-rebħa

“Ninsabu fit-triq tar-rebħa.” Hekk qal Joe Biden hekk kif esprima l-ottimiżmu tiegħu f’diskors li għamel lis-sostenituri tiegħu. Dan filwaqt li għad baqa’ miljuni ta’ voti li għad iridu jingħaddu, u r-riżultat tat-tiġrija presidenzjali għall-White House jidher li huwa viċin ferm bejn Biden u Trump.

It-tamiet tad-Demokratiċi li jirreġistraw rebħa kbira fuq Trump sfaxxaw fix-xejn wara li l-President Amerikan rebaħ bil-kbir l-istat ta’ Florida.

“Ninsab hawn illum biex ngħidilkom li nemmen li ninsabu fit-triq tar-rebħ tal-elezzjoni,” qal Biden aktar kmieni llum.

Intant Trump falsament iddikjara li rebaħ l-elezzjoni f’diskors li għamel fil-White House. Dan filwaqt li akkuża bi frodi elettorali lill-kamp tad-Demokratiċi.

S’issa r-riżultat għadu inċert u d-distakk fi stati importanti bħal Michigan, Pennsylvania u Wisconsin għadu wisq żgħir.

9.20 a.m.: Biden jirbaħ l-istat ta’ Arizona

Joe Biden rebaħ l-istat ta’ Arizona u kiseb il-11-il vot eletorali tal-istat. Huwa rebaħ ukoll l-istat ta’ Maine.

8.40 a.m.: Trump jiddikjara li rebaħ

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-White House, Trump qal li d-Demokratiċi qed jipprovaw jisirqu l-elezzjoni u għamel referenza għal voti mitfugħin wara l-għeluq tal-ħin tal-votazzjoni.

Trump għamel referenza għar-rebħ tal-istati ta’ Florida u Texas, hekk kif tkompli l-istennija għall-istati tal-Midwestern.

“Huwa ċar li rbaħna Georgia,” qal Trump. “Ma jistgħux jilħquna.” Fl-istess waqt AP għadha ma ddikjaratx ir-rebħ tal-istat.

Trump qal li huwa kunfidenti ħafna li se jkun qed jirbaħ ukoll l-istat ta’ Pennyslvania, għalkemm għad baqa’ ħafna voti x’jingħaddu.

Trump żied jgħid li “qed nippreparaw biex nirbħu din l-elezzjoni. Frankement, l-elezzjoni rbaħniha.”

Madankollu Trump għadu ma reġax ġie elett, u stati importanti bħal Michigan, Pennsylvania u Wisconsin għadhom jistgħu jmorru kemm gad-Demokratiċi u kif ukoll għar-Repubblikani.

8.00 a.m.: Trump se jindirizza lill-pajjiż

Trump se jkun qed jindirizza lill-pajjiż f’konferenza tal-aħbarijiet li se tkun qed tiżvolġi fil-White House. Id-distakk attwali bejn Trump u Biden għadu wisq viċin biex wieħed jista’ jgħid min minnhom se jkun qed jirbaħ il-presidenza Amerikana.

7.30 a.m.: Trump jirbaħ l-istat ta’ Texas

Trump rebaħ b’mod uffiċjali l-istat ta’ Texas u t-38 vot elettorali tiegħu. Dan kien imħabbar minn AP. Il-voti elettorali ta’ dan l-istat jafu jkunu kruċjali biex Trump jerġa’ jirbaħ mandat ieħor.

7.10 a.m.: Trump jgħid li se jagħmel stqarrija

Donald Trump qal li se jkun qed jagħmel stqarrija. Huwa nfexx f’attakk fil-konfront tad-Demokratiċi li qed jipprovaw “jisirqu” l-elezzjoni.

“Qed jipprovaw jisirqu l-elezzjoni. Qatt m’aħna se nħalluhom jagħmlu dan. Voti ma jistgħux jintefgħu wara li jagħlqu l-ħin tal-votazzjoni!” qal Trump.

6.52 a.m.: Biden iħeġġeġ għall-kalma

Fid-disors tiegħu Biden ħeġġeġ għall-kalma u esprima l-ottimiżmu tiegħu dwar l-eżitu tal-elezzjoni.

“Ninsab ottimist dwar ir-rebħ tal-elezzjoni,” huwa qal. Huwa qal li jinsab kunfidenti dwar l-istati ta’ Arizona, Michigan u Wisconsin. Huwa emfasizza li l-istat ta’ Georgia għadu mhux mitluf.

6.37 a.m.: Trump jirbaħ Ohio u Iowa

AP għadha kemm ħabbret li Donalt Trump rebaħ l-istati ta’ Iowa u Ohio. Trump rebaħ Ohio b’vantaġġ ta’ 8%, riżultat tajjeb ferm meta wieħed iqis li l-istat intrebaħ minn Barack Obama fl-2008 u l-2012.

6.15 a.m.: Joe Biden se jindirizza l-pajjiż

Joe u Jill Biden mistennijin li jindirizzaw il-pajjiż mid-dar tagħhom f’Delaware. Biden mistenni li jħeġġeġ għall-kalma, filwaqt li jesprimi s-sodisfazzjoni dwar ir-riżultati f’Arizona u l-Midwest.

6.12 a.m.: Biden jirbaħ l-istati tal-Hawaiiu Minnesota

Joe Biden jirbaħ l-istat tal-Hawaii u l-erba’ voti elettorali tiegħu. Dan kien imħabbar mill-aġenzija tal-aħbarijiet AP.

Intant Biden rebaħ ukoll l-istat ta’ Minnesota u l-għaxar voti elettorali tiegħu. B’hekk issa għandu vantaġġ ta’ 223 vot elettorali.

6.12 a.m.: Konsulenti ta’ Trump mgħaddba għal Fox News fuq l-istat ta’ Arizona

Il-konsulenti ta’ Donald Trump jidher li huma mgħaddba għal dak rapportat minn Fox News wara li dawn tal-aħħar qali li l-istat ta’ Arizona ntrebaħ minn Joe Biden, indikazzjoni ta’ tħassib fil-White House.

5:56 a.m.: Trump fuq quddiem f’Ohio minkejja l-vantaġġ bikri ta’ Biden

Ohio jidher li se jkun wieħed mill-aktar stati intriganti s’issa, b’Donald Trump jinsab fuq quddiem wara l-vantaġġ bikri miksub minn Biden.

Fil-fatt jidher li Trump għandu vantaġġ ta’ 4%, stampa ta’ dak mistenni li jseħħ fl-istat. Tajjeb li wieħed ifakkar li fl-2016 Trump kien rebaħ l-istat b’vantaġġ ta’ 8%.

5:50 a.m: Trump mistenni jirbaħ l-istati ta’ Florida u Georgia kontra dak imbassar mis-surveys

Minkejja li għad baqa’ ħafna ħin sakemm joħroġ ir-riżultat uffiċjali, ir-riżultati s’issa jindikaw li Joe Biden ma kisibx ir-riżultat mistenni fl-istati ta’ Florida u Georgia. Dan minkejja li diversi surveys li saru matul dawn l-aħħar ġimgħat kienu jindikaw li Biden kellu appoġġ sostanzjali fuq ir-rival tiegħu Donald Trump.

B’91% tal-voti ta’ Florida magħdudin, Donald Trump kiseb vantaġġ ta’ madwar 3% fuq Biden.

F’Georgia min-naħa l-oħra, Trump għandu vantaġġ komdu ta’ 13% fuq Biden, 56%-43%.

4:45 a.m: Kumpaniji tal-Betting jibdew ibassru rebħa għal Trump wara li Biden kien ilu jiem favorit

Il-kumpaniji tal-betting fl-aħħar sigħat qed ibassru li se jkun Donald Trump li jerbaħ din l-elezzjoni.

Kumpaniji minn madwar id-dinja kollha biddlu fehmithom issa li beda l-proċess tal-għadd tal-voti. Sa qabel beda l-proċess tal-għadd tal-voti dawn il-kumpaniji kienu ilhom ġranet sħaħ jiffavorixxu lil Biden.

Skont l-aħħar odds issa Trump għandu 65% ċans li jiġi elett mill-ġdid bħala l-President tal-Amerika. Sa kmieni dalgħodu huwa kien meqjus li kellu biss 38% ċans li jerbaħ lil Biden.

4:15 a.m: Trump se jirnexxilu jerġa’ jdawwar telfa f’rebħa hekk kif ikomplu jingħaddu l-voti?

Ikomplu jingħaddu l-voti fi proċess li mistenni jieħu aktar ħin mis-soltu u dan hekk kif il-voti bil-posta jieħdu aktar ħin biex jiġu proċessati. Din is-sena ħafna kienu dawk li għażlu li jivvotaw b’dan il-mod anke minħabba l-biża’ tat-tixrid tal-virus tal-Covid-19. Fl-2016, Trump kien ikkonfermat rebbieħ fuq Clinton għall-ħabta tas-7:30 a.m, iżda skont rapporti barranin jidher li din id-darba l-proċess jaf jieħu aktar fit-tul.

4:00 a.m: Min se jieħu postu fil-White House?

Ir-riżultati uffiċjali tal-50 stat se jkomplu ħerġin fil-ħin li ġej sakemm finalment inkunu nafu min se jkun qiegħed jilħaq it-tragward ta’ 270 vot elettorali u b’hekk jieħu postu fil-White House bħala l-President Amerikan. Se jkun Donald Trump li jżomm postu, jew se jkun Biden li jidħol bħala l-President il-ġdid?

Aktar dettalji fil-ħin li ġej…

3:30 a.m: Biden fuq quddiem … ikompli l-proċess tal-għadd tal-voti

Hekk kif beda l-proċess tal-għadd tal-voti ż-żewġ kandidati rriżultaw li għamlu r-rebħiet mistennija. Donald Trump kiseb il-maġġoranza f’ Kentucky filwaqt li Biden kiseb il-maġġoranza f’Vermont.

Sa mill-ewwel fażi tal-proċess li mistenni jieħu xi sigħat, Biden mar fil-vantaġġ fuq Donald Trump, iżda dan ma jfissirx li kollox mitmum għal dan tal-aħħar.Għadu wisq kmieni biex jingħad min kiseb il-maġġoranza f’dawk l-istati li jistgħu jmorru fuq iż-żewġ naħat. Dawn l-istati (swing states) li qed ikun meqjusin fost l-aktar kruċjali huma Arizona, North Carolina, Florida, Michigan, Pennsylvania u Wisconsin.

12.20 a.m: Biden fuq quddiem fuq livell Nazzjonali … L-Istati jistgħu jiddeteminaw mod ieħor

L-istennija tkompli. L-Amerikani vvotaw f’waħda mill-aktar elezzjonijiet li ħolqot firdiet bejn iż-żewġ kandidati.

Aktar minn 100 miljun persuna kienu marru jivvutaw fl-elezzjoni bikrija. Skont rapporti jidher li l-pajjiż se jkun qiegħed iħabbar elezzjoni bl-aqwa ammont ta’ persuni biex jixħtu l-vot tagħhom.

Stħarriġ nazzjonali li sar juri li Biden jinsab fuq quddiem, iżda r-riżultat jinsab ferm aktar viċin bejn l-istati li jistgħu jkunu qed jiddeterminaw ir-rebħa.

F’wieħed mill-istħarriġ li sar minn Reuters ntqal li erbgħa minn kull 10 

 votanti fuq livell nazzjonali jemmnu li l-pajjiż kien qiegħed jitratta s-sitwazzjoni tal-pandemija “ħażin ħafna”. skont l-istess stħarriġ, terz tal-votanti qalu li l-ekonomija hija l-aktar ħaġa li tinkwetahom fid-dawl ta’ din l-pandemija,

Ilbieraħ 3 ta’ Novemrbu: 9:00 p.m

Indikazzjonijiet li Biden jinsab minn fuq… Trump isostni li għalih mhux faċli jaċċetta telfa

Fis-sigħat li ġejjin se nkunu qed niskopru jekk Donald Trump huwiex se jkun qed jiġi elett għat-tieni mandat tiegħu bħala President, jew huwiex se jkun Joe Biden li joħodlu postu.

Minkejja li l-ewwel indikazzjonijiet qed juru li Joe Biden qiegħed fuq quddiem f’din it-taqtiegħa, ir-riżultat uffiċjali jista’ jmur fuq iż-żewġ naħat. Erba’ snin ilu Hilary Clinton kienet mistennija tegħleb lil Trump, iżda fir-riżultat uffiċjali tħabbar mod ieħor.

Jekk Trump jitlef l-elezzjoni, ikun l-ewwel President li ma jkunx elett għat-tieni mandat fi 28 sena.

Fil-kummenti tiegħu waqt din l-istennija Trump għamilha ċara Jum il-votazzjoni kien illum 3 ta’ Novembru u għalhekk il-poplu jistħoqqlu jkun jaf min se jkun qiegħed imexxih illum stess. Huwa qal li m’għandux f’moħħu x’tip ta’ diskors se jkun qiegħed jagħmel wara. Minkejja dan huwa sostna li faċli terbaħ, iżda b’mod speċjali għalih mhux faċli jiddikjara telfa.

Sport