Dan is-sit jinsab infurmat li għall-ħabta tal-10:30 a.m. persuna sofriet ġrieħi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Manwel Dimech, f’Ħal Qormi.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li Eġizzjana ta’ 43 sena residenti Raħal Ġdid, intlaqtet minn Toyota li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 64 sena residenti Ħal Qormi.
Fil-post issejħet ambulanza sabiex tkun tista’ tagħti l-ewwel assistenza medika lill-mara involuta fl-inċident minħabba li kienet qed titlef xi demm.
Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei għal aktar kura u aktar tard ġiet iċċertifikata li sofriet minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.