Sunday, December 22, 2024

AĠĠORNATA: Jingħataw il-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud dalgħodu kompliet tinstema’ l-kumpliazzjoni kontra t-tliet kuntistabbli mixlija li ħatfu persuni barranin, sawtuhom u abbandunawhom f’wied f’Ħal Qormi.

L-akkużati huma Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena, Luca Brincat ta’ 20 sena u Jurgen Falzon ta’ 24 sena.

Fl-aħħar seduta xehdu numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija involuti fl-investigazzjoni u xehed ukoll Surġent li rrapporta lis-superjuri tiegħu dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-imputati malli sar jaf bihom.

Illum mistennija jixhdu l-uffiċjali li fetħu qalbhom dwar l-allegati reati.

Spettur murija affarijiet li ma nħarġux mill-Korp…

Xehdet l-ewwel l-Ispettur Chantel Vella Casha li ġiet murija affarijiet li nstabu fil-pussess tal-imputati fosthom torċ, pepper sprey u anke arma bil-ponta li hija kkonfermat li ma kinux maħruġa mill-Korp tal-Pulizija. Vella Casha spjegat fil-qorti li fil-każ tat-torċ, dak maħruġ mill-Korp tal-Pulizija jkollu serial number abbinat. Qalet ukoll li f’kull każ li jintuża l-pepper sprey, l-uffiċjal għandu jirrapporta.

Kuntistabbli jixhed dwar każ fejn inġabar barrani u allegatament spiċċa jaqla’ daqqiet bil-minkeb f’karozza tal-pulizija

Xehed ukoll Lydon Azzopardi li ntalab jixhed dwar xi żviluppi fil-każ. Il-Qorti nnutat li Azzopardi diġà xehed fl-inkjesta u allura skont l-artiklu 550 tal-kodiċi kriminali jrid ikun hemm permess mill-Qorti biex jerġa’ jixhed. L-Uffiċjali Prosekuturi talbu li Azzopardi jixhed minħabba żviluppi ġodda u din it-talba ġiet approvata.

Azzopardi xehed li sitwazzjoni oħra seħħet fit-13 ta’ Settembru meta daħal rapport ta’ persuna barranija li kienet qiegħda tħuf wara persuna u niżlu fuq il-post hu, Luca, Jurgen u Ryan u din is-sinjura ma riditx tipproċedi biex tirrapporta. Spjega li madanakollu ddeċidew li jiħduh l-għassa iżda qabel marru l-għassa bdew iduru u Jurgen u Luca bdew jikkunsidraw biex jiħduh Ħal Qormi, iżda qablu li kien għadha x-xemx.

Mitlub jiddeskrivi kif kienu pożizzjonati fil-karozza, Azzopardi qal li Jurgen kien xufier, Luca passiġġier fuq quddiem u hu u Ryan wara, bil-barrani f’nofshom.

Azzopardi xehed li mat-triq, ix-xufier beda jagħti lill-barrani bil-minkeb u li l-vittma meta waslu l-Għassa allega mas-Surġent li Jurgen beda jagħtih bil-ponn f’rasu.

Azzopardi xehed ukoll li ħadd mill-uffiċjali fil-karozza ma’ kellu l-body cam mixgħula u li minkejja l-allegazzjonijiet tal-persuna barranija quddiem is-Surġent fl-għassa, il-vittma ma kellux ġrieħi viżibbli fuq wiċċu.

Kuntistabbli ieħor jikkonferma dwar il-każ…

Xehed ukoll Ryan Mercieca li meta mitlub jixhed dwar żviluppi ġodda, qal li fit-13 ta’ Settembru kien hemm rapport ta’ harassment, iżda l-persuna ma riditx tipproċedi. Il-pulizija qal li madanakollu persuna barranija ġiet miżmuma u ttieħdet lejn l-għassa. Qal li mat-triq din il-persuna qalgħet daqqiet ta’ minkeb mingħand Jurgen Falzon.

Kemm Azzopardi kif ukoll Mercieca kkonfermaw li Rica Mifsud Grech ma kinitx involuta f’dan il-każ.

Kuntistabbli tgħid li ma kellhiex żviluppi ġodda…

Abigail Sciberras xehdet li min-naħa tagħha ma kienx hemm aktar żviluppi wara li kienet xehdet fl-Inkjesta.

L-akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest…

Wara li ngħalqet il-kumpilazzjoni tal-provi miġjuba, il-Qorti ddeċidiet li hemm provi biżżejjed biex it-tliet imputati jitqiegħdu taħt Att ta’ Akkuża. Sadanittant il-Qorti spjegat li wara li semgħet 20 xhud fi żmien qasir minbarra l-inkjesta Maġisterjali kienet se tagħtihom il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet stretti.

Rica Mifsud Grech ingħatat il-libertà proviżorja taħt depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €50,000. 

Hija kienet ordnata tidher għas-seduti tal-Qorti, ma tavviċinax lix-xhieda tal-prosekuzzjoni, ma tikkommettix reat ieħor waqt li qiegħda taħt il-ħelsien mill-arrest, tiffirma l-Għassa tal-Belt kuljum, li ma tavviċina lil ħadd mill-uffiċjali prosekuturi, li ma tmurx l-għassa tal-pulizija tal-Ħamrun għall-ebda raġuni, li ma tersaqx lejn il-lokalità tal-Ħamrun u li ma tersaqx lejn open centres jew detention centres fejn jgħixu l-immigranti. 

Luca Brincat ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt l-istess kundizzjonijiet iżda irid jiffirma l-Għassa ta’ Ħal Qormi.

Jurgen Falzon ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt l-istess kundizzjonijiet u jrid jiffirma l-Għassa ta’ Birkirkara.

Il-kawża tkompli fis-17 ta’ Novembru.

Ekonomija

Sport