Friday, November 15, 2024

AĠĠORNATA: Jinżammu arrestati ż-żewġ uffiċjali mixlija li ħatfu persuna u sawtuha

Aqra wkoll

Żewġ uffiċjali tal-Pulizija, Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena u Jurgen Falzon ta’ 24 sena, tressqu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud mixlija bi 13-il akkużi fosthom bi ħtif ta’ persuna u l-użu ta’ vjolenza eċċessiva fuqha.

Il-Maġistrat Joe Mifsud beda biex jgħid li l-każijiet ma jinqatgħux fit-triq iżda deċiżi quddiem il-provi li jitressqu quddiem il-qorti. Huwa qal li jeħtieġ li ssir din id-distinzjoni bejn il-Qorti tal-opinjoni pubblika u l-Qorti tal-Ġustizzja li hija fid-dmir li twettaq xogħolha.

L-Ispettur Mercieca spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputati. Huwa beda biex qal li nhar il-Ġimgħa li għadda membri tal-korp avviċinaw lill-pulizija u għamlu kwerela li tliet membri sħabhom fl-istess shift fl-Għassa tal-Ħamrun, waqt night watch, kienu jmorru jsibu persuni barranin. 

Intqal li kien hemm żewġ okkażjonijiet f’Settembru li għadda li fihom seħħew l-allegati reati. Kien allegat li l-imputati kienu jgħabbu persuni fil-karozza waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, jiħduhom f’post imwarrab f’Ħal Qormi, isawtuhom u jitilquhom hemm.  

Qal ukoll li sussegwentement infetħet inkjesta u ġew arrestati dakinhar stess, fis-7 t’Ottubru. Ġew identifkati tnejn mill-vittmi li allegatament sfaw imsawta. Wieħed minnhom ġie mitkellem mill-pulizija iżda l-ieħor għadu mhux intraċċat għalkemm il-prosekuzzjoni qiegħda ssostni li identifikatu.  

Il-Qorti semgħat li t-tielet suspettat ittieħed l-Isptar u għadu rikoverat hemm minħabba li lmenta minn uġigħ. Mistoqsija mill-Maġistrat dwar jekk dan indarabx waqt il-ħidma tiegħu, il-Prosekuzzjoni qalet li dan mhux il-każ u li jinsab fl-Isptar minħabba miżura ta’ prekawzjoni minħabba li lmenta minn uġigħ.

Id-difiża għamlet talba għal divjet fuq isem l-imputati, bil-Qorti tgħid li ma hemmx bażi għal din it-talba.

Wara saret talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Proskuzzjoni toġġezzjona minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. 

Wara li sema’ liż-żewġ naħat jitrattaw dwar it-talba tal-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Joe Mifsud ċaħaq it-talba u ordna li jibqgħu jinżammu taħt arrest preventiv.

Mifsud saħaq li ċ-ċittadini li jimxu mal-liġijiet qegħdin jitolbu biss li meta jkunu fi djarhom, fuq il-postijiet tax-xogħol u fit-toroq iħossuhom siguri. Żied jgħid li l-Qorti temmen fi sħiħ li l-uffiċjali tal-infurzar għandhom jirritornaw lura d-dar qawwijin u sħaħ u jsibu l-appoġġ ta’ kulħadd. F’dan ir-rigward huwa qal ukoll li ħadd m’għandu jsawwat, iżda lanqas jissawwat waqt ħidmietu.

Tkellem dwar il-pożizzjoni tal-Qorti li dejjem kienet ċara li kull min ikun f’pajjiżna, hux Malti jew barranin, jrid jimxi mal-liġijiet ta’ pajjiżna, irid josserva l-liġijiet ta’ pajjiżna. Sostna li min ikun fostna u jagħżel triq oħra għandu jkun ripatrijat għaliex jagħmel ħsara kbira lil dawk kollha li jgħixu hawn u li dejjem għexu f’armonija fil-komunità li jgħixu fiha. Mifsud tkellem ukoll dwar ġustizzja u qal li din għandha ssir maż-żgħir kif ukoll mal-kbir mingħajr ebda distinzjoni.

Rigward dan il-każ, Mifsud qal li l-Qorti ma tistax tagħlaq għajnejha għal dawn l-akkużi serji u li jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni fejn toħloq tensjoni soċjali u tħarbat il-ħidma sfieqa ta’ mijiet ta’ Pulizija li jagħmlu kuljum.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Omar Zammit, megħjuna mill-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li L-Avukati Veronique Dalli u Edmond Cuschieri li qed jidhru għall-akkużati.

Ekonomija

Sport