Saturday, October 26, 2024

AĠĠORNATA: “Kienu jsibuh rieqed u jilagħbuhielu f’wiċċu jew joħorġu t-taser”

Aqra wkoll

Surġent tal-Pulizija stazzjonat l-Għassa tal-Ħamrun irrakkonta kif Kuntistabbli kienet tkellmet miegħu u qaltlu li tliet kollegi kienu allegatament ġabru raġel ta’ karnaġġjon skur, daħħluh fil-karozza u sawtuh f’wied ġewwa Ħal Qormi.

Is-Surġent Alex Gauci kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni li għaddejja kontra tliet Kuntistabbli – Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena, Jurgen Falzon ta’ 24 sena u Luca Brincat ta’ 20 sena – li jinsabu mixlija li ħatfu persuni barranin u allegatament sawtuhom. 

It-tliet imputati, li bħalissa jinsabu sospiżi minn xogħolhom, qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. L-allegati reati seħħew matul il-lejl f’Settembru li għadda. 

Qabel beda jixhed, is-Surġent Gauci kien imwissi li jekk b’dak li kien se jgħid b’xi mod seta’ jinkrimina ruħu, seta’ jagħżel li ma jweġibx għad-domandi iżda jekk jagħżel li jwieġeb, kellu jgħid il-verità kollha. 

Huwa qal li nhar it-3 ta’ Ottubru li għadda, għall-ħabta tal-11.00 a.m., irċieva telefonata mingħand kollega Surġent u infurmah li fil-ġurnata ta’ qabel, waqt li kien xogħol il-Victor Tedesco Ground, xi kollegi bdew jiftħu qalbhom miegħu.

Dawn bdew jirrakkontawlu xi episodji li allegatament seħħew f’Settembru però ma kinux elaboraw ħafna dwarhom. Infurmawh li kienu għaddejjin xi affarijiet minn wara darhom u li kien se jkun hemm il-konsegwenzi.

Huwa mbagħad tkellem l-ewwel ma’ Kuntistabbli mara stazzjonata fl-Għassa tal-Ħamrun. Din qaltlu li fil-bidu ta’ Settembru kienet xogħol l-Għassa flimkien mat-tliet imputati u għall-ħabta tat-3.00 a.m. qalulha biex tmur magħhom fejn niżlu l-Marsa viċin il-korsa taż-żwiemel. 

Dejjem skont dak li qaltlu din il-Kuntistabbli, xħin marru fuq il-post kien hemm xi nies pajżana jistennewhom u għamlulhom indikazzjoni sabiex tinġabar persuna ta’ karnaġġjon skur. Qalet li dan il-persuna ddaħħal fil-karozza tal-pulizija u allegatament ittieħed f’wied f’Ħal Qormi. 

Kompliet tgħid li dan il-persuna tniżżel mill-karozza u allegatament l-imputati “qabdu jsawtuh u beda jingħata x-xuttijiet fil-kustilji f’sidru u anke f’rasu.” Qalet li l-vittma ntilef minn sensih u abbandunawh hemm. 

Wara li rritornaw lura mill-patrol, inġiebet persuna oħra ta’ karnaġġjon skur minn xi skwadra oħra u ġie mitkellem. Skont ma ntqal lix-xhud, wieħed mill-Kuntistabbli kien instema’ jgħid li kien hemm drabi fejn kienu jinżlu l-Marsa, jaraw persuna ta’ karnaġġjon skur rieqda, iqajmuh u kien hemm drabi fejn “jilagħbuhielu f’wiċċu jew joħorġu t-taser.”

Is-Surġent qal ukoll li kien tkellem ma’ Kuntistabbli ieħor, fejn irrakkontalu episodju ieħor li kien seħħ f’Settembru. Qal li huwa kien qed isuq il-vettura tas-servizz u kien flimkien ma’ żewġ imputati oħra li kienu għabbew raġel fil-vettura u niżlu fl-istess wied u allegatament qabdu jsawtuh. Allega li wieħed mill-imputati kien qabad ġebla mill-art u tefagħha għal ras dan il-persuna u wara ħallewh hemm. 

Ix-xhud qal li l-Kuntistabbli li kien fetaħ qalbu miegħu tant ħassha li reġa’ mar fuq il-post biex jara jekk din il-persuna kinitx għadha hemm. Huwa kompla jgħid li fuq dawn l-allegazzjonijiet ma kinux kompetenza tagħhom u fl-4 ta’ Ottubru ċempel lill-Ispettur Roderick Spiteri stazzjonat fl-Għassa tal-Ħamrun u infurmah bl-allegazzjonijiet.  “Idderiġewna biex ninfurmaw l-uffiċċju tal-istandards tal-pulizija,” tenna x-xhud. 

Fil-kontro-eżami tiegħu, ix-xhud ċaħad li huwa kien qal lill-kollegi tiegħu biex immigranti fis-sakra jħalluhom fit-tinda tal-patata fil-Marsa jew biex ma jġibuhomx lejn l-Għassa. Insista li l-istruzzjonijiet kienu li nies fis-sakra jew mitlufin minn sensihom iġibulhom ambulanza. 

Fis-seduta tal-bieraħ xehdet ukoll Dr Claire Axiak li kienet issegwi lil wieħed mill-allegati vittmi – Abduwili Ahmed Ali, Somalu ta’ 33 sena. Hija qalet li lil Abduwili ilha tafu minn meta daħal l-Isptar Monte Carmeli snin ilu, daħal il-ħabs u kien ukoll jinżamm fit-Taqsima Forensi.

Qalet li Abduwili huwa bniedem ‘challenging’ ħafna, jhedded lill-istaff ta’ Monte Carmeli u ma jirrispettax ir-regoli u kellu tendenza li jkun aggressiv meta jieħu l-alkoħol jew il-kokaina u l-kannabis. Qalet ukoll li huwa kien jhedded lis-social workers li se jaħraqilhom il-bini, kulħadd kien jibża’ minnu. Semmiet ukoll kif dan ir-raġel kien jgħidilhom li kien imur jittallab il-flus mingħand persuni Somali oħra biex ikun jista’ jixtri d-droga. 

Fil-kontro-eżami, l-Avukat Franco Debono, li qed jidher għal Brincat staqsa jekk l-akkużat kienx meqjus perikoluż jew le. Kien hawn fejn intervjeniet il-Qorti u qalet li ‘l quddiem mhux se tiddeċiedi hux perikoluż jew le, billi l-akkużi kienu jgħidu mod ieħor.

Il-każ ikompli l-Ħamis li ġej.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Omar Zammit megħjuna mill-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

L-Avukat Veronique Dalli qiegħda tidher għal Mifsud Grech, l-Avukat Edmond Cuschieri qiegħed jidher għal Falzon, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru għal Brincat.

Sport