Sunday, December 22, 2024

AĠĠORNATA: L-El Chapo ta’ Malta arrestat mill-ġdid b’rabta ma’ droga

Aqra wkoll

Ħidma mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga wasslet għall-arrest ta’ Jordan Azzopardi magħruf bħala l-El Chapo ta’ Malta b’rabta ma’ traffikar u pussess tad-droga kokaina. 

Kienu għall-ħabta tat-3:15 p.m, x’ħin il-Pulizija kienu qed isegwu vettura tal-għamla BMW fil-Madliena peress li l-Pulizija kellha informazzjoni li s-sewwieq tagħha x’aktarx kien fil-pussess tad-droga. 

Kif Azzopardi nduna bil-preżenza tal-Pulizija, huwa beda jsuq b’manjiera perikoluża u b’veloċita qawwija sabiex jaħrab, tant li laqat xi karozzi. 

Fi ftit ħin, il-Pulizija iċċirkondawh, arrestawh u wara tfittxija li saret huwa nstab fil-pussess ta’ sustanza suspetta kokaina. Fil-post issejħu wkoll il-Pulizija tal-Forensika li għenu fl-investigazzjonijiet fejn kien allegat ukoll li Azzopardi seta’ rema xi pakkett b’sustanza waqt li kien qiegħed jiġi segwit.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Azzopardi huwa t-tieni persuna magħrufa sew mal-Pulizija li din il-ġimgħa ġew arrestati wara li l-pulizija segwiethom għal ċertu distanza. Dan hekk kif l-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tat-8:00 il-Pulizija segwiet lil Keith Cremona li waqt l-insegwiment darab ħafif kuntistabbli ieħor fil-Marsa.

Ekonomija

Sport