Fl-aħħar ħin l-Unjin tal-Għalliema sejħet konferenza indirizzata mill-President Marco Bonnici fejn qal li s-sitwazzjoni mhi sabiħa xejn u talab għal posponiment tal-ftuħ fiżiku tal-iskejjel mis-settur Primarju sa dak Terzjarju.
Huwa żied jgħid li l-protokolli kienu ppubblikati tard u li fil-prattika huma diffiċli biex jiġu implimentati. Qal li ma nafux kemm se jkun hawn bżonn ta’ staff għal mal-istudenti.
Bonnici żied jgħid li l-kurrikulu twarrab biex inħarsu l-kumplament u b’hekk qed inħarsu lejn kollox minbarra t-tagħlim.
Intant Bonnici filwaqt li appella mill-ġdid biex jiġu posposti l-ftuħ, talab biex ikomplu d-diskussjonijiet.
Qabel: Konferenza stampa mill-MUT … “Edukaturi mħassbin”
Illum fis-1.00 p.m l-Unjin tal-Għalliema (MUT) sejħet konferenza stampa fejn mistenni tindirizza it-tħassib li qed juru għadd ta’ għalliema. Fl-aħħar sigħat kien hemm għadd ta’ għalliema li fuq is-siti soċjali esprimew it-tħassib tagħhom fejn f’diskussjoni onlajn talbu lill-MUT għall-protezzjoni. inewsmalta.com għamlet kuntatt mal-MUT fejn wara l-mistoqsijiet li għamilnielhom, ħabbru konferenza tal-aħbarijiet għal-lum fis-1.00 p.m fil-kwartieri tagħhom fil-Ħamrun.
Dawn l-edukaturi qegħdin jitolbu biex l-MUT tisma’ l-għajta tal-membri tagħha għax iħossu li qegħdin f’sitwazzjoni surreali u ħmistax oħra se jibdew skola avolja n-numru tal-każijiet tal-Covid-19 għadhom ta’ kuljum jiżdiedu.
“Hemm diversi mistoqsijiet li għadhom ma ġewx indirizzati. Naf li l-unjin għandha għadma iebsa u li lkoll kemm aħna qegħdin fi sqaq. Dan huwa inkwiet kbir għal kulħadd – għall-unjin, għall-edukaturi, għall-ġenituri u għall-istudenti,” saħaq edukatur.
Ħafna mistoqsijiet mill-edukaturi…
Fost id-diversi temi li semma’ kien hemm il-bżonn li jkunu indirizzati kien hemm il-ħinijiet tad-dħul tal-istudenti fil-klassi wara xulxin kull ħames minuti; diffikultajiet għall-edukaturi minn Għawdex u l-kwistjoni tal-bubbles meta fuq il-mezzi tat-trasport m’hemmx din is-sistema.
L-MUT qalet lil inewsmalta.com li dalgħodu għaddejja b’laqgħat importanti u li mhux se jkun possibbli jkellmuna qabel il-konferenza stampa li se tibda dalwaqt. Il-President tal-MUT se jkellem u jagħti kumment lil dan is-sit, kif dejjem għamel, waqt jew wara l-konferenza.