Saturday, December 14, 2024

AĠĠORNATA: L-Ungerija akkużata li qed tgħin lir-Russja fl-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna

Aqra wkoll

L-amministrazzjoni Ukrena akkużat lill-Ungerija illi qed tgħin lir-Russja fl-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

Ir-Rappreżentant tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għall-Ukrajna, Oleg Nikolenko, akkuża lill-Ungerija talli qed tkompli tonqos milli tikkastiga lir-Russja meta f’dawn l-aħħar jiem kien hemm evidenza li r-Russja kkommettiet krimini ta’ gwerra.

Nikolenko, argumenta li n-nuqqas ta’ ħeġġa min-naħa tal-Ungerija sabiex tirrikonoxxi lir-Russja bħala l-entità responsabbli għall-atroċitajiet li twettqu fl-Ukrajna — partikolarment f’Bucha, dan ikompli jinkuraġġixxi lir-Russja sabiex “twettaq krimini oħra”. 

Nikolenko ddeskriva l-proposta tal-Prim Ministru Ungeriż — dik li jsiru negozji fl-Ungerija bil-għan li jseħħ armistizju bejn ir-Russja u l-Ukrajna — bħala waħda “ċinika”. Huwa temm jgħid li jekk l-Ungerija tixtieq tgħin, l-ewwel m’għandha tagħmel hu li tieqaf tipperikola l-għaqda li teżisti bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

IKTAR KMIENI LLUM: L-Ungerija topponi ż-żieda fis-sanzjonijiet Ewropej kontra r-Russja

Il-Prim Ministru Ungeriż Victor Orban, meqjus bħala alleat tal-President Russu Vladimir Putin, qal li jekk jiżdiedu s-sanzjonijiet Ewropej fuq ir-Russja, partikolarment dawk li jolqtu l-oqsma tal-enerġija, dan se jkun ifisser “il-mewt tal-Ungerija”. Sostna wkoll li l-istess sanzjonijiet jagħmlu wkoll ħsara kbira lill-ekonomija Ewropea. 

Madankollu, bħal fil-każ tal-Istati Membri tal-UE, Orban poġġa t-tort fuq Moska għall-gwerra mal-Ukrajna u ddeskrivieha bħala “l-aggressur”. Huwa għamel appell sabiex “l-atroċitajiet kontra ċ-ċivili” jiġu kkundannati u investigati.

Dwar is-sanzjonijiet kontra r-Russja, Orban qal li Budapest s’issa appoġġjat ir-rawnds differenti, għaliex “l-għaqda fl-UE hija importanti”, iżda wissa li l-estensjoni tas-sanzjonijiet biex tinkludi s-setturi taż-żejt u l-gass hija “linja ħamra”. 

Huwa appella lil Brussell biex tieħu azzjoni immedjata sabiex jittaffa l-impatt li s-sanzjonijiet qed ikollhom fuq il-prezzijiet tal-enerġija u fakkar li l-Ungerija lesta tħallas għall-prodotti tal-enerġija Russa bir-ruble jekk tintalab tagħmel dan.

Bi tpattija għas-sanzjonijiet li qed tiffaċċja, il-Kremlin għaddiet digriet li jitlob lix-xerrejja barranin sabiex iħallsu bil-munita domestika (ir-ruble) hekk kif is-sanzjonijiet fil-biċċa l-kbira skonnettjaw lill-banek Russi mis-sistemi globali u ffriżaw ir-riżervi barranin tal-Bank Ċentrali Russu.

Orban iddefenda wkoll ir-relazzjoni tiegħu ma’ Putin u qal li lbieraħ stiednu f’Budapest flimkien mal-President Ukren Volodymyr Zelensky, il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Ġermaniż Olaf Scholz, sabiex jiddiskutu l-possibiltà ta’ armistizju jew waqfien mill-ġlied.

Orban, li bena l-karriera tiegħu fuq illitigar spiss ma’ Brussell fl-istess waqt li kien qiegħed jimpala l-flus mill-UE, tkellem ġurnata wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret li l-Kummissjoni Ewropea se tibgħat ittra ta’ notifika lil Budapest dwar it-tnedija tar-regola ta’ mekkaniżmu tal-kundizzjonalità, dwar l-istat tad-dritt fl-Ungerija.

Minkejja dawn id-differenzi kollha bejn l-Ungerija u l-UE f’dan ir-rigward, Orban wiegħed il-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-formazzjoni tal-UE tal-futur u tkellem ukoll dwar rabtiet aktar b’saħħithom man-NATO li tagħha hija membru l-Ungerija wkoll.

L-ERBGĦA LI GĦADDA: Il-PM Ungeriż ħabbar li kellu diskursata ma’ Putin bil-għan li tintemm il-gwerra Russo-Ukrajna

Il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, qal li llum huwa kellu diskursata twila mal-President Russu Vladimir Putin fejn talab lil Putin sabiex iwaqqaf il-ġlied mal-Ukrajna.

Orban, f’konferenza tal-aħbarijiet, stqarr li huwa stieden lil Putin fl-Ungerija — flimkien mal-President Ukren, il-President Franċiż, kif ukoll il-Kanċillier Ġermaniż — sabiex jintlaħqu negozjati għall-waqfien mill-ġlied bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Orban iddikjara li Putin tah tweġiba pożittiva, però għamel ukoll xi kundizzjonijiet; sfortunatament Orban ma tax iżjed tagħrif dwar dan.

Il-Prim Ministru Ungeriż sostna li mhuwiex se jċedi għall-pressjoni li qed issir min-naħa tal-Unjoni Ewropea biex jiżdiedu s-sanzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-gass u ż-żejt mir-Russja. Saħansitra, huwa qal li lest li jħallas bir-ruble għall-provvista tal-gass mir-Russja, kuntrarju għall-pożizzjoni li ħadet l-Unjoni Ewropea. 

Orban jidher li bħalissa għandu relazzjoni pjuttost tajba mar-Russja. Infatti, iktgar kmieni din il-ġimgħa, fid-diskors tiegħu tar-rebħa huwa kkritika lill-President Ukren Volodymyr Zelensky u lill-burokrati ta’ Brussell fejn saħansitra sejħilhom “avversarji”. 

IT-TNEJN LI GĦADDA: Il-Prim Ministru Ungeriż isejjaħ lil Zelensky “avversarju”

Skont mhu rrappurtat mill-BBC, il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, fid-diskors tiegħu tar-rebħa kkritika lill-President Ukren Volodymyr Zelensky u lill-burokrati ta’ Brussell u saħansitra sejħilhom “avversarji”. Orban għadu kemm ingħata r-raba’ mandat tiegħu permezz ta’ rebħa riċenti fl-elezzjoni ġenerali li saret fl-Ungerija. 

L-Ungerija s’issa offriet kenn lil iżjed min-nofs miljun refuġjat/a. Orban jinsisti illi jekk jagħti l-għajnuna meħtieġa lill-poplu imma jiffirjuta milli jgħin lill-Ukrajna fil-provvista tal-armi, huwa jkun qed jassigura li l-Ungerija ma tispiċċax f’nofs il-gwerra Russo-Ukrajna. 

Min-naħa tiegħu, Zelensky kontinwament qed jikkritika l-pożizzjoni li ħa Orban.

Ekonomija

Sport