Eluf ta’ persuni nġabru biex jimxu fil-kapitali Ġermaniża bi protesta għar-restrizzjonijiet tal-Covid-19.
Il-Pulizija ordnat l-ilbies tal-maskra b’mod obbligatorju u talbet liul dawk preżenti biex jinfirxu u josservaw id-distanza soċjali. Ħafna minn dawk preżenti kienu paċifiċi anke jekk il-Pulizija kellha tarresta mill-anqas żewġ persuni.
Madwar 18,000 persuna attendew għad-dimostrazzjoni li seħħet aktar kmieni wara nofsinhar.
Minkejja li s’issa l-Ġermanja ma esperjenzatx il-mewġa li qed taffettwa diversi pajjiżi fl-Ewropa, ir-rata tal-infezzjonijiet fil-pajjiż kompliet tiżdied.
Aktar kmieni: Il-Pulizija f’Berlin imħassba dwar protesta kontra l-Covid-19 li tista’ tinbidel f’waħda vjolenti
L-amministrazzjoni tal-Qorti tal-kapitali Ġermaniża biddlet id-deċiżjoni tagħha rigward il-projbizzjoni ta’ prostesta kontra l-Coronavirus. Kelliem fl-amministrazzjoni qal li l-protesta li mistennija tattira mat-22,500 persuna se tkun qiegħda titħalla ssir taħt ċertu kundizzjonijiet.
Ftit tal-ħin wara li tħabbret din id-deċiżjoni, il-Pulizija f’Berlin talbet l-amministrazzjoni tal-qorti biex tirrevedi din id-deċiżjoni. Uħud mid-dimostranti kienu qed iħeġġu aktar demostranti minn barra l-belt biex jivvjaġġaw lejn Berlin anke jekk kien hemm inċertezza dwar jekk din l-attività kinitx se tkun permessa.
Fost il-kundizzjonijiet mitlubin mill-qorti, dawk li jattendu jeħtieġ jipprovdu barriers li jifirdu lill-kelliema mill-bqija tal-folla u regolarment ifakkru lil dawk preżenti biex josservaw id-distanza soċjali. Fil-linji gwida mhux inkluż l-ilbies tal-maskra b’mod obbligatorju.
Il-Forzi tal-Ordni jinsabu mħassba dwar il-possibbilità ta’ użu ta’ vjolenza f’dawn il-protesti li saret xi ħaġa komuni fil-konfront tal-awtoritajiet. Mat-3,000 uffiċjal mistennija jkunu qed jissorveljaw il-belt Ġermaniża fis-sigħat li ġejjin.