Wednesday, October 9, 2024

AĠĠORNATA: Mistenni li jkomplu l-evakwazzjonijiet tar-residenti ta’ Mariupol

Aqra wkoll

Il-midja Ingliża BBC, iktar kmieni dalgħodu żvelat li llum mistenni li jkomplu l-evakwazzjonijiet tan-nisa, it-tfal u l-anzjani li qed jgħixu f’Mariupol.

Dan wara li lbieraħ erba’ xarabanks li kienu qed iġorru residenti Ukreni minn Mariupol, irnexxielhom iwettqu l-operazzjoni ta’ evakwazzjoni b’suċċess. Dan ħabbritu d-Deputat Prim Ministru Ukrena, Iryna Vereshchuk, fis-sigħat li għaddew.

Vereshchuk kompliet tgħid li r-residenti li ġew evakwati, għaddew il-lejl fil-belt ta’ Berdyansk filwaqt li l-uffiċjali Ukreni qagħdu jistennewhom fix-Xlokk ta’ Zaporizhzhia.

ILBIERAĦ WARANOFSINHAR: Jitħabbru l-postijiet li se jgħaddu minnhom ix-xarabanks għall-evakwazzjoni tar-residenti ta’ Mariupol

Kif tħabbar iktar kmieni dalgħodu, hemm ftehim preliminari sabiex illum uħud mir-residenti Ukreni jitħallew jitilqu minn Mariupol. Id-Deputat Prim Ministru Ukren, Iryna Vereshchuk, ikkonfermat li l-pjan ta’ evakwazzjoni huwa mmirat  għan-nisa, it-tfal u l-anzjani.

Is-Sindku ta’ Mariupol, Vadim Boychenko, ħabbar li r-residenti se jkunu jistgħu jirkbu x-xarabanks minn Triq Taganrogskaya kif ukoll minn inħawi viċin l-impjant tal-azzar ta’ Azovstal u minn Shevchenko Boulevard.

Huwa kellu kliem ta’ tifħir għar-residenti ta’ Mariupol: “F’dawn il-jiem tant diffiċli, intom irnexxielkom tibqgħu tgħixu f’ambjent b’kundizzjonijiet li jmorru kontra l-umanità”.

ILBIERAĦ FILGĦODU: “L-Ukrajna tittama li llum tkun tista’ tevakwa 6,000 persuna minn Mariupol”

Jidher li hemm xaqq ta’ dawl għal ħajja aħjar għal uħud miċ-ċittadini ta’ Mariupol hekk kif skont ftehim li s’issa għadu f’fażi preliminari, ir-Russja se tkun qed tippermetti li n-nisa, it-tfal u l-anzjani li jinsabu f’Mariupol se jkunu jistgħu jitilqu minn din il-belt.

Is-Sindku ta’ Mariupol, Vadym Boichenko – Ritratt: Evgeny Sosnovsky

Is-Sindku ta’ Mariupol, Vadym Boichenko, stqarr li bħalissa x-xewqa tiegħu hija li r-Russja tikkonferma u tirrispetta dan il-qbil preliminari li ntlaħaq bejn iż-żewġ pajjiżi.

Boichenko ddikjara li l-Ukrajna qed tittama li matul il-ġurnata tal-lum tkun tista’ tibgħat 90 xarabank f’Mariupol sabiex tevakwa madwar 6,000 persuna. 

Sport