Tressaq il-Qorti ż-żagħżugħ ta’ 23 sena residenti Birżebbuġa mixli bil-qtil involontarju ta’ raġel ieħor fiż-Żejtun wara li allegatament tajru u baqa’ sejjer minn fuq il-post.
L-akkużat Dean Donovan Frendo ġie mixli li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġuna l-mewt ta’ Antoine Degbriele, li saq vettura tal-għamla Mazda b’manjiera traskurata u perikoluża, li naqas milli jieqaf fuq il-post u li saq vettura mingħajr polza għar-riskji għat-terzi persuni. Huwa kien akkużat ukoll li saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u li qabeż il-limitu tal-veloċità imposta mir-regolamenti tat-traffiku.
Donovan Frendo kien mixli wkoll li bejn l-4 u s-6 ta’ Awwissu pprova jbiddel jew jeqred it-traċċi tar-reat.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif l-imputat ġie arrest b’mandat t’arrest li kien eżegwit fil-lejl ta bejn il-5 u s-6 ta’ Awwissu.
Qalet kif fil-jum ta’ qabel irċeviet informazzjoni li fuq is sit kien hemm partijiet tal-vettura – waħda tal-għamla Mazda Demio kif kien ikkonfermat aktar tard minn espert tal qorti.
L-akkużat li fil-qorti ntqal li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u f’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Madanakollu, id-Difiża talbet li mal-ewwel opportunità jixhdu xhieda pajżana.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Shawn Pawney u Roderick Spiteri mentri l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għal Frendo.
Ma jahdimx u qabbad avukat ta’ dak il-kalibru?
Jekk il-karozza mhux tieghu, fuq min hi rregistrata?
Jekk il-karozza hija irregistrata fuqu u dan ma jahdimx minfejn gab il-flus biex xtara dik il-karozza?