Is-Sindku tant maħbub se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima ftit sigħat wara li nxterdet l-aħbar tal-mewt tiegħu. Falzon kien ilu xi jiem rikoverat l-isptar minħabba kumplikazzjonijiet f’saħħtu u allegatament kien ukoll infettat bil-virus tal-Covid-19.
Huwa se jkun qiegħed jingħata l-aħħar tislima fid-9:30 a.m fil-Knisja ta’ San Ġorg f’Ħal Qormi. Din il-quddiesa se tkun qiegħda tixxandar b’mod dirett fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.
Qabel: Il-komunità Qormija tinsab mnikkta għat-telfa tas-Sindku Renald Falzon li ħalla din id-dinja, illum 13 ta’ Novembru 2020.
Fost dawk li sellmu l-memorja ta’ Renald, kien hemm Kollege tiegħu fil-Kunsill li fakkruh għaċ-ċajt u l-praspar li Kellu ħabta jirrakkonta, fost attivitajiet edukattivi li kien jieħu ħsieb li jittellgħu biex il-lokalità tinżamm waħda ħajja.
Renald Falzon ħalla jibku t-telfa tiegħu lil martu u lit-tlett uliedu fost ħafna persuni oħra li matul ħajtu ltaqa’ magħhom u nissel fihom relazzjoni ta’ ħbiberija li ħafna qed iqisuha bħala waħda li “mhi se tintemm qatt”.