Sewwieq ta’ mutur iddaħħal l-isptar wara li aktar kmieni għall-ħabta tad-9:00 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq is-Salini fin-Naxxar.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 58 sena residenti San Ġwann tilef il-kontroll tal-mutur Kawasaki li kien qiegħed isuq u waqa’.
Waqt dan l-inċident, Subaru li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 40 sena mill-Mellieħa u MG li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 24 sena min-Nepal, sofrew xi ħsarat.

Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li assistew lis-sewwieq sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar osservazzjoni. Aktar tard huwa kien iċċertifikat li sofra minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Fil-post hemm uffiċjali minn Transport Malta li qegħdin jgħinu biex jidderiġu t-traffiku minħabba konġestjoni tat-traffiku li nħolqot kawża tal-inċident.