Anzjana kellha tiddaħħal l-Isptar b’urġenza wara li għall-ħabta ta’ nofsinhar kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Wied ta’ Birkirkara f’Birkirkara.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li l-anzjana ta’ 72 sena min-Naxxar kienet intlaqtet minn mutur Honda misjuq minn żagħżugħ ta’ 22 sena residenti l-Mosta. Konsegwentament is-sewwieq tal-mutur tilef il-kontroll, waqa’ u l-mutur baqa’ jitkaxkar sakemm ħabat ma’ karozza Renault misjuqa minn mara ta’ 44 sena residenti x-Xewkija Għawdex.
Fil-post issejjaħ minnufih tim mediku u ambulanza li assistew lill-anzjana sakemm din setgħet tittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard hija ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji.
Intant f’komunikat ieħor, il-pulizija kkonfermat li sfortunatament l-anzjana ġiet iċċertifikata mejta.
Bil-każ ġiet infuramata l-Maġistrat tal-għassa Rachel Montebello li ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha.