Sunday, May 19, 2024

AĠĠORNATA: Waħda mill-passiġġieri tweġġa’ gravi f’inċident fin-Naxxar

Aqra wkoll

Ħames persuni ddaħħlu l-Isptar wara li lbieraħ għall-ħabta tas-1:00 p.m kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq is-Salina, fin-Naxxar.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vettura Peugeot 108 misjuqa minn mara ta’ 28 sena residenti Ħal Għargħur u vettura Ford Fusion misjuqa minn raġel ta’ 67 sena residenti tas-Sliema. 

Riekba fl-ewwel karozza kien hemm ukoll tarbija ta’ ftit xhur filwaqt li fil-karozza l-oħra kien hemm rekbin mara ta’ 62 sena u mara ta’ 35 sena t-tnejn residenti Tas-Sliema, tifla ta’ sentejn u tifel ta’ sitt snin.

Fuq il-post issejħu numru ta’ ambulanzi u tim mediku biex jassistu lis-sewwieqa tal-ewwel vettura u lit-tarbija tagħha, kif ukoll u liż-żewġt itfal u lill-mara ta’ 62 sena li kienu jinsabu fit-tieni vettura, sakemm setgħu jittieħdu lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.

Aktar tard it-tarbija ta’ erba’ xhur u ż-żewġt itfal l-oħra rriżulta li kienu sofrew minn ġrieħi ħfief, filwaqt li l-mara ta’ 62 sena ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi. Il-kundizzjoni tal-mara ta’ 28 sena għadha mhix magħrufa.

L-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Sport